Pubblikazzjoni ġdida bl-isem Joseph: L-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej, hija mingħajr preċedenti fis-suq tal-kotba fil-Gżejjer Maltin għax turi l-aktar ħsibijiet privati tal-Prim Ministru, kif ukoll tikxef il-mod kif irraġunat it-tmexxija tal-gvern fl-aħħar erba’ snin. Il-ktieb qed jiġi ippubblikat lejlet l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju.
Fil-parti ewlenija tal-ktieb illustrat ta’ 360 paġna hemm il-kitba mill-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, li għaliha l-SKS kisbet drittijiet esklussivi. Fil-kitba, il-Prim Ministru jitkellem bil-miftuħ dwar l-esperjenzi personali u privati tiegħu kemm ilu f’ras il-gvern, u jfisser il-pjanijiet tiegħu għall-futur. Qatt qabel ma Prim Ministru kien daqshekk ta’ qalbu f’fommu mal-elettorat waqt li jitkellem dwar, fost ħafna oħrajn, kwistjonijiet marbuta mar-rivelazzjoni tal-Panama Papers, l-ODZ taż-Żonqor, il-kaċċa fir-rebbiegħa, u l-agħar u l-aqwa jiem tiegħu bħala Prim Ministru.
Minbarra ritratti minn kollezzjonijiet privati, il-ktieb iġib ukoll għadd kbir ta’ ritratti esklussivi mill-kollezzjonijiet privati tal-Prim Ministru nnifsu.
Il-ktieb, editjat mill-ġurnalist Aleander Balzan, jinkludi wkoll bijografija qasira ta’ Dr Joseph Muscat, sittin diskors fl-oriġinal li għamel il-Prim Ministru lokalment u barra, kif ukoll inventarju tal-kisbiet ewlenin tal-gvern Laburista fl-ewwel leġislatura tiegħu.
Joseph: L-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej se jkun għall-bejgħ għall-ewwel darba għada s-Sibt waqt l-attivita’ politika tal-Partit Laburista f’Misraħ Santu Wistin, Victoria Għawdex u l-Ħadd li ġej, 7 ta’ Mejju, waqt il-mass meeting li l-Partit Laburista se jorganizza f’Ħaż-Żabbar.
Il-ktieb se jkun edizzjoni limitata u jinbiegħ mill-ġimgħa d-dieħla mill-ħwienet tal-kotba għall-prezz ta’ €10 biss.