“Il-ferħ li nħoss lanqas nista nispjegalek u għandi ġenn biex jasal nhar it-Tnejn u nara dawn it-tfal jifirħu.”
Hekk iddeskriviet x’qed tħoss Sandra Mallia quddiem il-festin li qed torganizza b’mod volontarju għal erbgħin tifel u tifla mill-Ukrajna li ħarbu minn pajjiżhom u sabu refuġju f’Malta.
Dan il-festin se jkun qed isir fit-tnejn ta’ Mejju mill 5.30pm sas-7.30pm f’Catherine Melita Salina.
Sandra Mallia li hija l-organizzatriċi ta’ din l-attività, tkellmet ma’ ONE News fejn spjegat kif ġietha din l-idea li tagħmel xi ħaġa biex tferraħ lil dawn it-tfal li tant għaddew minn tbatija fl-aħħar ġimgħat.
L-organizzatriċi stqarret,“Jiena bħal ma jafu għandi għal qalbi ħafna u ħafna t-tfal, kull tfal li nara niġġennen għalihom. Il-festini li nagħmel jiena ukoll u kont ilni nberren u dejjem nara l-videos x’qed jiġri fl-Ukrajna u affarijiet hekk u naħseb x’nistgħu nagħmlu, x’nistgħu nagħmlu. Velson bgħatli messaġġ għall-għajnuna u jien dħalt b’ruħi u b’ġismi għal din l-attività.”
Sandra, li hi animattriċi tat-tfal, se tkun qed torganizza diversi logħob u attivitajiet biex dan il-festin ikun ta’ suċċess. Hija tenniet li mill-pjattaforma tagħha ta’ Facebook, ġibdet is-simpatija ta’ ħafna nies u riedu jgħinuha bi ħġarhom billi jtuha ġugarelli u diversi ikel b’xejn.
Hi qalet,“Ħa nagħmlu ħafna u ħafna logħob, ħa jkun hemm ħafna u ħafna ikel. Lanqas nista’ niddeskrivi l-ikel però ħa jkollna wkoll ġugarelli għal dawn it-tfal li ħa jkunu hemmhekk speċjali.”
Bħalissa f’Malta hawn mad-disgħin tifel u tifla mill-Ukrajn u minħabba li dan il-festin qed isir b’għan filantropiku, Sandra spjegat li se jkun hemm żewġ festini biex kull tifel u tifla jkun jista’ jiċċelebra dan il-festin b’mod sħiħ.
Sandra spjegat, “Kellna naqsmu lit-tfal għaliex tfal hemm 90 allura għamilna 40 issa u ħa nagħmlu l-kumplament f’festin ieħor f’data li nsemmi iktar ‘il quddiem.”
F’messaġġ lill-Maltin kollha, hija rringrazzjat lil dawk kollha li taw kontribut biex jgħinu f’din l-attività li tista tferraħ tfal u ommijiet u missirijiet fi sitwazzjoni tant tad-dwejjaq.
L-organizzatriċi sostniet, “Il-Maltin għandhom tant qalbhom kbira illi malli jaraw xi ħaġa hekk mil-ewwel kulħadd u telefonati u kulħadd irid jgħati l-għajnuna u ġugarelli u ikel.”
Meta ONE News staqsiha l-mistqosija ta xi tħoss meta tara l-frott ta’ dan kollu u li b’dak li qed tagħmel, tista’ toħloq tbissima fuq wiċċ dawn it-tfal ċkejkin, hija wieġbet hekk, “Il-ferħ li nħoss lanqas nista’ nispjegalek u seba’ mitt ġenn għandi sakemm jasal nhar it-Tnejn ħa nara lil dawn it-tfal jifirħu u għallinqas intaffulhom ftit mill-agunija u t-trawa li għaddejjin biha hux hekk.”