Il-mexxejja tal-G7, li bħalissa jinsabu f’Cornwall fl-Ingilterra għal summit, se jkunu qed jimpenjaw irwieħhom sabiex jużaw ir-riżorsi kollha tagħhom fi sforz sabiex jassiguraw illi l-impatt devastanti li ħalliet il-pandemija tal-COVID ma terġax tirrepeti ruħha.
Infatti, llum huwa mistenni li joħorġu dikjarazzjoni li tistabilixxi numru ta’ miżuri ta’ kif se jintlaħaq dan il-għan. Wieħed mill-għanijiet huwa li, f’każ ta’ pandemija, jiġu żviluppati vaċċini li jilqgħu kontra l-mard infettiv f’minn tal-inqas 100 jum.
Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson semma kif għandha tiġi indirizzata l-inugwaljanza globali. Huwa sostna dwar l-importanza li nitgħallmu wkoll mill-impatt li kienet ħalliet il-kriżi finanzjarja tal-2008 sabiex tiġi ndirizzata l-ġerħa tal-inugwaljanza.