Sa tmiem dan ix-xahar espert tal-Qorti se jiġi kkonvokat biex jgħin ħalli tinstab spjegazzjoni għal tiċrita f’borża tal-provi li fiha kien hemm kopja kklownjata tal-mowbajl ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fuq din it-tiċrita fil-borża ffukaw l-avukati ta’ Yorgen Fenech, li jinsab mixli b’kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, meta llum reġa’ lura l-Qorti biex jinstemgħu l-eċċezzjonijiet preliminari qabel jibda l-ġuri. Il-borża hija parti mir-rekords tal-każ.
F’seduti preċedenti, il-Qorti semgħet kif madwar 85 fil-mija tad-dejta fil-mowbajl ta’ Caruana Galizia kienu ġew rikostruwiti b’mod diġitali.
Fis-seduta tal-lum, l-avukat u espert forensiku Martin Bajada xehed li rrealizza li l-borża nfetħet wara li kien issiġillaha. Huwa qal li ma jiftakarx li l-borża kienet imċarrta kif inhi, u żied jgħid li, li kieku ra t-tiċrita, kien jirrapporta dwarha.
Minħabba li l-esibiti ġew ipproċessati wkoll minn espert ieħor tal-Qorti li kien inkarigat biex jagħmel il-kopji, il-Maġistrat Edwina Grima qalet li dak l-espert l-ieħor jrid jittella’ fis-seduta li jmiss biex jitkellem dwar il-kundizzjoni ta’ din il-borża tal-provi.
Sadattant, fuq talba tad-difiża stess, talba ġdida għal-libertà proviżorja tħalliet pendenti għas-seduta li jmiss.