- L-Ispeaker jinvestiga dokument nieqes tal-MIDI fuq talba tal-Friends of Manoel Island
L-ispeaker tal-kamra Anġlu Farrugia se jkun qiegħed jinvestiga permezz ta’ kumitat parlamentari, dokument “nieqes” fir-rekords tal-parlament, tal-kuntratt bejn il-MIDI u l-Gvern.
Dan hekk kif it-tim legali tal-Friends of Manoel Island qal fi stqarrija li skopra “dokument importanti” b’rabta mal-kuntratt bejn il-MIDI u l-Gvern li huwa nieqes mir-rekords Parlamentari.
Fil-minuti tas-6 ta’ Novembru tal-1999 hemm referenza għal dokument li, permezz ta’ bar chart, juri meta kellhom jitlestew ix-xogħlijiet f’Tigne Point u f’Manoel Island.
“Iżda dan id-dokument ma jistax jinstab, la mal-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat u lanqas mal-minuti tas-sessjoni plenarja tal-Parlament li iddiskutiet il-kuntratt. Fil-minuti hemm imniżżel ukoll li x-xogħlijiet suppost tlestew sal-bidu tal-2010.Kulħadd jista’ jara b’għajnejh li r-restawr u l-bini f’Manoel Island ma tlestiex.” – Tim legali tal-Friends of Manoel Island
Dan minkejja li fil-kuntratt, li ġie iffirmat fis-sena 2000, hemm stabbiliti ż-żminijiet u l-fażijiet differenti li fihom kellhom jitlestew ix-xogħlijiet, u jistipula wkoll penali kbar fil-każ li dawn iż-żminijiet ma jiġux rispettati.
L-istqarrija tispjega li dan id-dokument nieqes jista’ jitfa’ iktar dawl fuq din il-kwistjoni. It-tim legali staqsa lill-Ispeaker tal-Parlament sabiex jara fejn spiċċa dan id-dokument li, skont il-minuti tal-Kumitat tal-Verifika ta’ Novembru tal-1999, ġie mressaq quddiem il-Parlament.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ispeaker wieġeb mill-ewwel għal din it-talba.