Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi kellu laqgħat ma’ stakeholders internazzjonali b’relazzjoni mas-settur tal-enerġija lokali u internazzjonali, b’attenzjoni partikolari fuq il-proġett tal-wind farm li qed isir bħalissa f’Mozura, Montenegro. Il-Ministru Mizzi kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Enematla Fredrick Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv Jason Vella, u l-Kap Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop.
L-ewwel laqgħa saret ma’ delegazzjoni minn Shangai Electric Power, immexxija miċ-Chairman tal-kumpanija Yundan Wang. Matul din il-laqgħa, il-Ministru Mizzi qal li kien sodisfatt bil-mod ta’ kif qed jitmexxa l-operat. Dwar il-proġett tal-wind farm f’Mozura, il-Ministru kkonferma li x-xogħol jinsab għaddej sew u li qed iħares ’il quddiem għaċ-ċerimonja uffiċjali li se ssir din il-ġimgħa. Iċ-Chairman Wang qal li filwaqt li l-proġett ġie affaċjat minn numru ta’ sfidi, bħalissa jinsab miexi tajjeb u mingħajr problemi. Huwa qal li l-apparat tat-turibni issa wasal Montenegro u qal li huwa mistenni li l-proġett ikollu full capacity sal-aħħar tas-sena.
Matul it-tieni laqgħa, il-Ministru laqa’ delegazzjoni minn Montenegro, immexxija mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Srdjan Darmanovic. Il-Ministru Mizzi semma r-relazzjonijiet eċċellenti li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Dwar il-proġett tal-wind farm, il-Ministru fakkar fiż-żewġ żjarat li għamel f’Montenegro biex jara x-xogħlijiet għaddejjin. Huwa qal li din kienet opportunità unika għall-Enemalta biex tinvesti f’enerġija nadifa, u li eventwalment se tkun sinifikanti ħafna għaż-żewġ pajjiżi. Il-proġett juri l-possibbiltajiet li jistgħu jinħolqu permezz tal-koperazzjoni, kif ukoll l-importanza li żewġ pajjiżi jinġiebu eqreb ta’ xulxin.
Il-Ministru Darmanovidc irringrazzja lill-Ministru tal-istedina tiegħu u qal li l-proġett issa laħaq progress importanti. Huwa rrijafferma l-entużjażmu tal-gvern Montegrin u r-rieda tiegħu li dan il-proġett jitlesta kif ukoll biex jinstabu oqsma differenti fejn il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tista’ tkompli tissaħħaħ.
Il-Ministru Mizzi se jkun Montenegro s-Sibt l-14 ta’ April biex jinawgura t-tlestija tal-ewwel turbini tar-riħ fuq il-post, liema proġett mistenni jkun komplut sa Novembru 2018.