28 għaqda volontarja se jibbenefikaw minn massimu ta’ €3,000 permezz tal-iskema ‘Achievers’.
Din l-iskema ġew allokati għaliha €81,000 u l-għan tagħha huwa dawn l-għaqdiet li huma mmexxija miż-żgħażagħ, jew li jaħdmu maż-żgħażagħ, jinkoraġġixxuhom joħolqu u jimplimentaw proġetti li fil-qalba tagħhom hemm il-komunità.
Il-ħsieb hu li ż-żgħażagħ ikunu mħeġġa jqarrbu żgħażagħ oħra lejn dixxiplini bħall-arti, mużika u kultura fost oħrajn li jżommuhom ’il bogħod minn kull tip ta’ vizzju.
Fost id-diversi proġetti li se jkunu qed jiġu implimentati permezz ta’ din l-iskema hemm dik li biha ż-żgħażagħ Maltin se jkunu jistgħu jitgħallmu snajja differenti, ħiliet li jżommu ħajjin it-tradizzjonijiet Maltin.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis spjega li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jeduka sa minn etajiet żgħar dwar l-effett li vizzji ħżiena jistgħu jħallu fuq saħħet il-bniedem.