Żewġ mediċini tal-prostata se jingħataw lill-irġiel hekk kif se jkunu qed jiżdiedu fil-formularju tal-Gvern.
Dawn iż-żewġ mediċini huma ekwivalenti għall-Combodart u l-Omnic.
Dawn se jkunu qed jidħlu fil-lista ta’ mediċini mogħtija b’xejn mill-bidu ta’ Ottubru.
Din il-miżura se tkun qed tolqot lil madwar ħmistax-il elf raġel li l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom ‘il fuq minn ħamsin sena u pensjonanti.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li qal kif din il-miżura se tkun qed tiffranka erba’ mitt ewro fis-sena mill-but tal-irġiel li se jgawdu miż-żewġ mediċini mogħtija b’xejn.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr, “Il-Gvern se jdaħħal mediċini ekwivalenti għalihom mingħajr ħlas biex b’hekk dawn il-persuni kollha jkunu jistgħu fuq medda ta’ ftit ġranet jew ġimgħat jeqilbu mill-mediċini illi qegħdin jixtru għall-mediċini li l-gvern qed jagħti mingħajr ħlas.”
Il-Ministru Fearne spjega li dawk li għandhom appuntament mediku jistgħu japplikaw b’mod normali għal dawn il-mediċini filwaqt li dawk li m’għandhomx appuntament jistgħu jmorru fiċ-ċentru tas-saħħa jew inkella jmorru għand it-tabib tal-familja u jkun jista jdaħħalhom fil-lista tal-formularju tal-Gvern.