Mill-Ħamis 1 ta’ Mejju 2025, se tidħol fis-seħħ sistema ġdida online li tikkontrolla n-numru ta’ viżitaturi fil-Blue Lagoon, Kemmuna, bil-għan li jiġu protetti l-ekosistemi ta’ dan is-sit.
Din is-sistema qed titnieda mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu u entitajiet oħra bħala parti minn inizjattiva biex titjieb is-sostenibbiltà u l-esperjenza tal-viżitaturi f’dan il-post ikoniku.
Il-viżitaturi individwali jew fi gruppi, li jaslu b’dgħajjes privati jew kummerċjali u li jkunu jridu jinżlu l-art fil-Blue Lagoon, għandhom minn qabel jibbukkjaw ħin taż-żjara permezz tas-sit elettroniku bla ħlas bluelagooncomino.mt.
Il-viżitaturi jkunu jistgħu jagħżlu bejn tliet gruppi ta’ ħinijiet kuljum: Mit-08:00 sas-13:00, mis-13:30 sal-17:30 u mis-18:00 sal-22:00.
Filwaqt li fis-sajf tal-2024 kien hemm mat-12,000 viżitatur f’ħin wieħed fi Blue Lagoon, is-sistema l-ġdida se tillimita dan in-numru għal massimu ta’ 4,000 persuna għal kull grupp ta’ ħin. Dan għandu jgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u titjieb il-kwalità tal-esperjenza turistika.
L-Awtorità tat-Turiżmu u l-Ministeru responsabbli dalwaqt se jibdew konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati dwar miżuri oħra fit-tul għall-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tas-sit, li għandhom jiġu implimentati kollha sal-2026.