F’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius , il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-impenn tal-Gvern li s-sostenibbiltà tkun fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni li għaddej minnha pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega kif il-Gvern qed jagħmel tranżizzjoni fil-prijoritajiet tiegħu, bi pjan ambizzjuż li anke ġie deskritt bħala wieħed mill-iktar b’saħħithom ambjentalment minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru rrefera, fost l-oħrajn, għall-proġett tal-Multi-Material Recovery Facility, faċilità f’Ħal Far, li se ttejjeb il-kapaċità tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna billi jiġu rkuprati materjali differenti, li jiġu esportati biex jintużaw fi prodotti oħra. B’hekk, jonqos l-iskart permezz ta’ proġett li bih qed titpoġġa fil-prattika l-ekonomija ċirkolari, filwaqt li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ kif nitrattaw l-iskart.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-implimentazzjoni tal-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart 2021-2030 u l-allokazzjoni ta’ nofs biljun ewro mill-Gvern għall-aqwa infrastruttura biex jiġi immaniġjat l-iskart u biex l-iskart isir riżorsa. Dan l-investiment qiegħed jiġi kkumplimentat b’deċiżjonijiet importanti u bidliet fil-politika, fosthom dik li għamlet is-separazzjoni tal-iskart f’pajjiżna obbligatorja. Din il-politika se tkompli twitti t-triq lejn l-implimentazzjoni tal-ECOHIVE.
Il-Prim Ministru qal li Malta hija impenjata li tkompli tinvesti, tieħu d-deċiżjonijiet neċċessarji, u timplimenta l-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart. Dan il-pjan huwa kkumplimentat ukoll b’kampanji ta’ informazzjoni edukattivi u aktar għarfien.
Matul il-laqgħa ġew diskussi temi oħra, fosthom l-industrija tal-akwakultura f’pajjiżna, li hija waħda mill-aqwa fl-Unjoni Ewropea.