Somalu t’34 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie akkużat b’serq. Ahmedsharif Issa Haydar li huwa residenti fiċ-ċentru Miftuħ tal-Marsa ġie akkużat li seraq żewġ telefons ċellulari. Wieħed minnhom ġie traċċat u nstab li kien fil-pusses tal-akkużat.
Ir-raġel ġie anki mixli li huwa reċediv hekk kif diġa nstab ħati b’akkużi ta’ serq u akkużat saħansitra fuq stupru. Fil-Qorti s-Somalu kien se jammetti l-akkużi fuq kundizzjoni li ma jingħatax sentenza ta’ ħabs effettiva iżda l-prosekuzzjoni argumentat li dan m’għandux ikun minħabba l-fedina penali tal-akkużat. Kien fid-dawl ta’ dan li r-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.