Min jaf kif se jitwaħħxu tal-Organisation for Security and Cooperation in Europe (OSCE) malli l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jgħidilhom li għandu suspetti ta’ tbagħbis fil-voti fl-elezzjoni li gejja?!
M’għandhix dubju li se jkunu serji u jinvestigaw. U x’se jsibu meta jinvestigaw?
L-ewwel u qabel kollox se jsibu li l-elezzjoni f’Malta titmexxa minn Kummissjoni Elettorali li hija ffurmata minn rappreżentanti taż-żewġ partiti ewlenin, liema rappreżentanti huma ugwali u magħżula mill-partiti nfushom.
Se jsibu li f’kull pass li jsir – il-partiti jkunu mgħarrfa b’kollox, propju biex ikunu jistgħu jissorveljaw kollox. Kemm jekk stampar ta’ dokumenti tal-voti; kemm jekk stampar tal-polza tal-vot; insomma, kif konna ngħidu: Pass wara pass – kollox taħt skrutinju – ngħidlu jien – esaġerat.
Se jsibu li saħanistra meta jitqassmu d-dokumenti tal-voti – bieb bieb – ikun hemm rappreżentant ta’ kull partit jakkumpanja lill-Pulizija li jqassam il-voti – li ma jmurx il-Pulizija jkollu xi vot doppju – jew li xi dokument tal-votazzjoni jingħata lil xi persuna li ma tkunx intitolata għalih.
Se jsibu li fil-jum tal-votazzjoni – kull dokument tal-votazzjoni se jkun analizzat – eżaminat – skrutinjat – u ma nafx x’iżjed – minn rappreżentanti tal-partiti li jkunu qegħdin jikkontestaw l-elezzjoni – minbarra dawk ‘l-indipendenti’ magħżula mill-Kummissjoni Elettorali. Inkella nini nini tingħata polza tal-vot biex tkun tista’ tivvota u tagħmel l-għażla tiegħek.
Se jsibu – fi ftit kliem – li mkien fid-dinja m’hawn din il-fissazzjoni.
U lil Simon Busuttil – jibgħatuh jixxejjer.