Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jibdew jitqassmu mat-€8 miljun lil persuni eleġibbli li applikaw fi skema maħsuba li tindirizza inġustizzji li saru fl-imgħoddi.
Dawn jinkludu ex ħaddiema tal-korpi li kienu qed jagħtu servizz lil dipartimenti tal-Gvern qabel l-1979, iżda li kienu bdew jagħmlu parti mis-servizz pubbliku wara Jannar ta’ dik is-sena; eks ħaddiema tax-xatt li kellhom liċenzja biex jaħdmu bejn April 1973 u Ġunju 2007; kuntistabbli, surġenti jew surġenti maġġuri tal-Pulizija li ma tħallsux għal overtime li għamlu bejn l-1993 u l-2009 u ex ħaddiema tal-Malta Electricity Board.
Il-Ministru Farrugia qal li din kienet wegħda elettorali tal-Gvern u li kien aktar kmieni din is-sena li flimkien mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbru dawn il-ħlasijiet bħala kumpens.
Qal li hekk kif tħabbar fil-bidu tas-sena, issa li wasal ix-xahar ta’ Ottubru, it-€8 miljun u aktar ivvutati fil-baġit għal din is-sena, se jitqassmu wara xogħol estensiv li kien sar minn diversi dipartimenti governattivi.
Dr Farrugia qal li kien għall-Partit Nazzjonalista dawn il-persuni kollha ma kinux ser jingħataw lanqas ċenteżmu wieħed.