Mill-Ħamis, erbat elef u erba’ mitt anzjan u anzjana li jgħixu f’sebgħa u tletin dar residenzjali madwar il-pajjiż, se jibdew jitlaqqmu kontra l-Coronavirus.
Eventwalment, se jitlaqqmu wkoll mal-elfejn impjegat f’dawn id-djar, li jinkludu dawk privati u tal-Knisja.
Għall-ewwel se jitqassmu sebgħin vaċċin kuljum imma l-ħsieb hu li wara l-ewwel tliet ġimgħat, jibdew jingħataw mija u tletin tilqima kuljum.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele, qal li minkejja li sa issa ma jidhirx li hemm effetti wara t-tilqim, it-tilqim se jsir b’mod gradwali f’każ li xi wħud iħossuhom xi ftit ma jifilħux wara li jitlaqqmu.
Qal, “Aħna nevitaw kemm jista’ jkun dar sħiħa li l-istaff per eżempju jimrad fl-istess ħin u jkollok problema ta’ manpower allura nħallu ftit ġranet bejn tilqima u oħra f’kull dar biex nevitaw din l-issue.”
Is-Sur Degabriele spjega li bħalma qed isir fir-Residenza San Vinċenz de Paul, il-proċess għat-tħejjija tat-tilqim, se jsir fid-djar rispettivi.
Spjega, “Il-fjala ħa tiġi reconstituted ġod-dar minn nies li ġew imħarrġa apposta, nurses kif ukoll hemm assessers mill-Awtorità tal-Istandards biex isir ir-reconstitution hemmhekk u jingħataw is-sebgħin doża dakinhar ġo dik id-dar partikolari li tkun ġiet magħżula skont schedule li d-djar tal-anzjani kollha se jirċievu fil-ġranet li ġejjin.”
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, qal li l-ħsieb hu li sal-aħħar ta’ Marzu, l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 tkun ingħatat lill-anzjani kollha fid-djar residenzjali f’pajjiżna.
Qal li, “Għal dawk id-djar privati, hemm l-Awtorità tal-Istandards li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħi, li nibdew ukoll it-tilqim fihom għall-anzjani u anki għall-istaff. Eventwalment imbagħad bħalma diġà ħabbar il-Ministeru tas-Saħħa, se nkunu qegħdin nibdew it-tilqim tal-anzjani ta’ dawk li għandhom iktar minn ħamsa u tmenin sena.”