Mit-Tnejn li ġej, persuni bid-dijabete tat-tip wieħed li għandhom sa wieħed u għoxrin sena, se jgawdu minn sistema b’xejn ta’ moniteraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm.
Dan f’estensjoni tal-proġett li beda bħala proġett pilota fost it-tfal u fl-aħħar xhur baqa’ jiġi estiż biex fil-preżent, jingħata lil tfal sa żgħażagħ ta’ sittax-il sena.
Issa, se jkompli jiġi estiż u jgawdu minnu dawk kollha li għandhom sa wieħed u għoxrin sena.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-programm Sibt il-Punt li jixxandar fuq ONE Radio s-Sibt filgħodu.
Fearne tenna, “Nista’ nħabbar illum li min-nhar it-Tnejn li ġej, mill-ġimgħa li ġejja ħa nkunu qed nibdew dan ir-roll out tal-Continuous Glucose Monitors mingħajr ħlas għal persuni sa wieħed u għoxrin sena.”
Chris Fearne ħabbar ukoll li sal-aħħar ta’ din is-sena, dan il-proġett se jkopri persuni sa ħamsa u tletin sena, filwaqt li s-sena d-dieħla kull min jgħix bid-dijabete tat-tip wieħed se jgawdu minn din il-miżura.
B’hekk fit-tieni ġimgħa ta’ Gvern Laburista ġdid, se tkun qed tiġi implimentata miżura li tħabbret matul il-kampanja elettorali.
Fearne spjega li persuni li jgħixu bid-dijabete tat-tip wieħed iridu jittaqqbu minn tal-inqas tliet darbiet kuljum biex jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor fid-demm però issa permezz ta’ dan il-proġett, li jitħaddem b’app fuq il-mobile, dawn l-istess persuni se jkollhom moniteraġġ kontinwu tal-livell taz-zokkor fid-demm.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq, “Issa jkollhom dan il-monitor imqabbad magħhom erbgħa u għoxrin siegħa mhux biss jgħid lilhom il-livell taz-zokkor tad-demm x’inhu l-ħin kollu imma dan imqabbad mas-sistema bil-Wi-Fi, bis-sistema online illi aħna għandna nies speċjalizzati apposta erbgħa u għoxrin siegħa kuljum jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor tiegħek u jekk ikun jew baxx ħafna jew għoli ħafna jibagħtulek messaġġ fuq il-mobile u saħansitra jċemplulek jista’ jkun is-siegħa ta’ filgħodu, jista’ jkun l-għaxra ta’ billejl, iċemplulek.”
Il-Ministru għas-Saħħa saħaq li l-iżjed ħaġa importanti fir-rigward tad-dijabete hija li l-livell taz-zokkor fid-demm jinżamm taħt kontroll.
Issa, dan ser ikun possibbli permezz ta’ dan il-moniteraġġ kontinwu li ser itejjeb ħajjet dawn in-nies.
Kif wegħdna li se nagħmlu waqt il-kampanja elettorali, mil-ġimgħa d-dieħla se nibdew nagħtu l-Continuous Glucose Monitors lil dawk b’#dijabete tip 1 sal-età ta’ 21 sena. #SaħħaAħjar pic.twitter.com/vHnKzubcB7
— Chris Fearne (@chrisfearne) April 9, 2022