Se jingħata bidu biex tiskatta l-ewwel fażi mill-proġett ta’ żvilupp u riġenerazzjoni tal-Isptar Ġenerali f’Għawdex.
Ħabbar dan il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, li spjega kif fil-ġranet li ġejjin ser jibdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li għandu jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2025.
Il-Ministru Abela qal kif bi preparazzjoni għal dan, numru t’anzjani li jinsabu fil-‘Male Geriatric Ward’ li għandhom bżonn kura fit-tul ser ikunu qed jiġu rilokati f’Dar San Ġużepp f’Għajnsielem.
Saħaq li kif issir ir-rilokazzjoni, ser tibda imbagħad l-aħħar fażi ta’ testijiet ġeoloġiċi tal-art fejn ser ikun qed isir l-iżvilupp ta’ sptar akut ġdid li se jkopri madwar 400 sodda.
Il-Ministru żied jispjega li fil-ġranet li ġejjin se tkun qed tinħareġ sejħa ta’ interess biex tinkera binja li fiha tkun tista’ timxi l-amministrazzjoni tal-istess sptar sakemm ikun qed jitlesta dan il-proġett, u b’hekk ser ikun jista’ jingħata bidu għad-demolizzjoni u skavar meħtieġ tal-isptar.