Hekk kif tħabbru numri rekords ta’ passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li saħansitra qabżu dawk fis-sena 2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija, li hija meqjusa bħala l-aqwa sena għat-turiżmu, tħabbar ukoll li se jibda aktar xogħol ta’ rinovar u titjib fl-Ajruport.
B’rabta ma’dan, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, ħabbar il-bidu tax-xogħol fuq żewġ proġetti, filwaqt li elenka aktar dettalji.
Huwa qal li x-xogħol fuq ir-runway sekondarja, se jibda f’Ottubru u mistenni li jitlesta sa Marzu. Intant dawn l-istess-xogħlijiet mhumiex prevvisti li se jikkawżaw dewmien jew ikkanċellar ta’ titjiriet.
Fil-futur qrib, mistenni jibda wkoll ix-xogħol fuq ir-runway prinċipali, li saret lura fl-2008.
Minkejja li din għadha f’kundizzjoni relattivament tajba, dan il-proġett se jkompli jgħolli l-livell tal-ajruport.
Intqal, li ladarba jibda x-xogħol fuq ir-runway il-kbira, ix-xogħol irid isir filgħaxija, u mit-truf tat-triq, hekk kif filgħodu, xorta se jkunu qed joperaw ċerti titjiriet.
Qal, “Ħa nibdew żewġ investimenti importanti għall-Ajruport. Ħa nibdew ir-resufracing tat-tieni runway tagħna, jew ir-runway iż-żgħira kif nafuha, dan huwa proġett li jibda f’Ottubru u jispiċċa f’Marzu, biex imbagħad inkunu nistgħu nfasslu x-xogħlijiet biex nibdew ir-resurfacing tar-runway primarja tagħna.”
Barra minn hekk, se jkun hemm tkabbir tat-terminal, li kien tħabbar qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-Covid 19.
Dan it-tkabbir se jibda mill-area tal-West, fejn se tikber iż-żona tad-dħul tal-ajruport.
Qal, “Ħabbarna wkoll li llum, ilbieraħ, approvajna il-proġett tat-tkabbir tat-terminal. Kont ħabbartu qabel ma kellna s-sitwazzjoni tal-Covid u issa, ħa nibdew biċċa biċċa nkabbru t-terminal, mill-area tal-West, fejn se nkunu qed inkabbru l-areas tad-dħul tal-ajruport, u mbagħad inkomplu fażi wara fażi, nirduppjaw in general, il-footprint tal-Ajruport kollu.”
Dan l-investiment u aktar huwa mistenni li jkompli jattira aktar passiġġieri u linji tal-ajru lejn pajjiżna.