Tlettax-il dipartiment tal-Gvern minn Ministeri differenti se jibdew jaħdmu bir-remote working matul dan ix-xahar.
Dan tħabbar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta dettalji dwar it-tranżizzjoni tas-Servizz Pubbliku għar-remote working.
Il-Kap taċ-Ċivil spjega kif il-Gvern beda jistħarreġ din il-policy sa minn qabel il-pandemija bil-għan li din twassal għall-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.
Huwa tenna kif fost oħrajn dan l-istħarriġ akkademiku nnota l-bżonn ta’ spazji minn fejn isir ir-remote working.
Qal, “Konna għidna li sal-aħħar ta’ din is-sena se nlestu ħmistax. Fil-fatt lestejnihom qabel iż-żmien diġà bdew jaħdmu r-remote work spaces u ftit xhur oħra ntellgħuhom b’disa’ oħra u mbagħad nirduppjaw it-totall biex ikollna kemm jista’ jkun work spaces.”
Huwa spjega wkoll kif fil-bidu ta’ dan ix-xahar beda proċess ta’ tranżizzjoni ta’ 18-il xahar, biex issir il-qabża mis-sistema tat-teleworking eżistenti għar-remote working. Għall-ewwel darba f’pajjiżna, din il-policy se tħaddan ukoll ir-right to disconnect.
L-uffiċjal tal-informazzjoni Jonathan Gerada spjega li hemm aġġeġġ avvanzat li jagħti aċċess u sigurtà lil dawk kollha li jagħżlu jaħdmu b’mod remot.
Spjega, “Dan id-device huwa ċ-ċavetta li tista’ tiftaħ dawn is-servizzi kollha b’mod sigur. Dan id-device se jingħata lil kull remote worker u remote worker u r-remote woker finalment ħa jużah kif għidna biex litteralment imur fejn il-printer bih, u toħroġ il-karta li jkollu bżonn jipprintja.”