Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, qiegħed iħabbar it-tnedija ta’ proċess li għandu jwassal għat-tfassil ta’ strateġija ħolistika nazzjonali dwar il-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna li tinkorpora diversi riformi meħtieġa. Din il-viżjoni għandha l-għan li pajjiżna jikkonsolida u jwettaq ir-riformi neċessarji f’dan il-qasam, u b’hekk għandu jwassal għal aktar protezzjoni u valorizzazzjoni għall-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
Għal dan il-għan, il-Ministeru qiegħed jappunta lis-sur Joseph Magro Conti f’dan l-irwol strateġiku importanti biex jixpruna t-tfassil ta’ din l-istrateġija u r-riformi sussegwenti b’kordinament u b’konsultazzjoni sħiħa mal-imsieħba kollha fis-settur. Is-Sur Joseph Magro Conti serva għal dawn l-aħħar sentejn u nofs fil-kariga ta’ Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali u kien strumentali biex jixpruna diversi riformi fil-kariga rispettiva.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera sostna li dan huwa pass importanti għal pajjiżna, hekk kif din l-istrateġija u r-riformi sussegwenti għandhom jixprunaw ‘il quddiem aktar il-protezzjoni u r-rikonoxximent tal-valur uniku li joffri l-wirt nazzjonali mhux biss fil-kuntest lokali imma wkoll fuq skala globali. Fid-dawl ta’ dan l-inkarigu, il-Ministru José Herrera qiegħed jappunta lis-Sur Kurt Farrugia bħala Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali skont it-termini tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445). Is-Sur Farrugia huwa gradwat fl-arkeoloġija f’livell ta’ Master’s mill-Università ta’ Malta u ħadem fil-qasam tal-wirt nazzjonali għal dawn l-aħħar 14-il sena. F’dawn l-aħħar sentejn, is-Sur Farrugia kien jokkupa l-kariga ta’ Head of Planning Consultations fi ħdan is-Sovrintendenza.
Il-Ministru Herrera awgura lis-Sur Magro Conti u s-Sur Farrugia fl-inkarigu rispettiv tagħhom.
Ritratt: MHAL