Se jibda l-proċess biex wara Għawdex, anke f’Malta jiġu identifikati żoni fejn il-faċċati jridu jinbnew bil-ġebla tal-franka.
Dan ħareġ waqt konferenza mtella’ mill-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.
Kien il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri li qal li t-triq ’il quddiem issa hija li jibda proċess biex f’Malta jiġu identifikati żoni li għandhom ukoll jinbnew bil-faċċati bil-ġebla tal-franka.
L-Awtorità tal-Ippjanar diġà bdiet timplimenta bidla fil-policy hekk kif matul il-ġimgħa li għaddiet ħarġet ċirkolari fejn stqarret li l-bini f’Għawdex għandu jkollu faċċata magħmula mill-franka.
Il-Ministru Camilleri saħaq li d-dokument li qed tniedi l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex jelenka aktar miżuri li jistgħu jittieħdu u li jkunu ta’ benefiċċju għat-tessut urban Għawdxi.
L-Awtorità tista’ tikkunsidra materjali naturali alternattivi bi proprjetajiet viżwali u simili għall-franka, bħal ġebel tal-qawwi jew Travertin f’każ ta’ applikazzjonijiet f’postijiet suġġetti għal kundizzjonijiet klimatiċi li jieklu l-ġebla, bħal postijiet qrib xatt il-baħar.
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Għawdxija, is-Sur Mario Borg, ta ħarsa lejn ix-xejriet fil-qasam tal-iżvilupp, filwaqt li tkellem ukoll il-Perit Godwin Agius, li ħadem fuq id-dokument propost.