Il-mediċina għal tliet kundizzjonijiet rari fil-ġilda se jibdew jingħataw mingħajr ħlas lill-pazjenti hekk kif se jitqiegħdu fil-Ħames Skeda. Eventwalment dan se jwassal ukoll biex dawn il-mediċini jiddaħħlu wkoll fil-formularju tal-Gvern.
Dan ikkonfermah magħna d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne: “Kundizzjonijiet severi fil-ġilda, li s’issa min ibati bihom ried jixtrihom u jiswew mijiet ta’ ewro, dawn issa se jkunu fuq il-karta s-safra, skemda ħamsa, biex nibdew il-proċess biex dawn il-mediċini ndaħħluhom fuq il-formularju tal-Gvern.”
Il-Gvern ta spinta lill-qasam tas-saħħa u s-servizzi li joffri anke fi żmien pandemija. Dan awgura tajjeb biex is-servizzi tas-saħħa jkunu aktar mifruxa fil-komunitajiet u jolqtu aktar bżonnijiet tal-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Imma wkoll bqajna nżidu l-mediċini u fil-ġimgħat ftaħna ċentru għall-mard kroniku tas-saħħa mentali f’Raħal Ġdid. Qed nagħtu monitors lil tfal bid-dijabete u ftaħna berġa kbira f’Marsascala.”
Il-mediċini l-ġodda li se jiġu introdotti se jtaffu mill-ispejjeż ta’ mijiet ta’ pazjenti Maltin. Dan jaf jitqies numru relattivament żgħir ta’ persuni, iżda d-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern jintervjeni anke fejn ikun hemm biss ftit għexieren li se jintlaqtu.
Huwa saħaq: “Bħala stat irridu ngħinu lil min ikun f’pożizzjonijet vulnerabbli, u meta inti tkun marid tkun l-aktar persuna vulnerabbli. Għalhekk għandna l-flus u għalhekk niġbru t-taxxi, biex b’dawn il-flus ngħinu lil min għandu l-aktar bżonn, inkluż dawk b’mard kroniku fil-ġilda.”