Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża fi stqarrija qal li qed jiffinalizza l-aspetti kollha biex jibda jitħaddem Avviż Legali ġdid dwar il-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, kif ġie imwiegħed fil-Baġit għal din is-sena.
Fil-fatt, l-Avviż Legali u s-sistema l-ġdida mistennija jibdew jitħaddmu fil-ġimgħat li ġejjin u se jkollhom effett minn Jannar 2022.
L-avviż legali preżenti kien introdott fl-2009 u l-unika bidla li saret minn dakinhar kienet li l-kontijiet raħsu b’25 fil-mija.
Fil-Baġit 2022, il-Gvern għamel impenn ċar li l-avviż legali li jirregola l-komputazzjoni tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma se jkun emendat.
Permezz ta’ din is-sistema ġdida, il-konsumaturi se jkunu qed iġemmgħu l-units orħos li ma jużawx biex imbagħad ikunu jistgħu jużawhom f’perjodu fejn ikollhom il-konsum ogħla.
Il-Ministeru qal li sentenza tal-Qorti li ngħatat fl-aħħar sigħat dwar il-kalolu tal-kontijiet għad trid tiġi analizzata, u dak imwiegħed xhur ilu fil-Baġit għal din is-sena m’għandu bl-ebda mod jippreġudika kwalunkwe azzjoni li għad tista’ tittieħed.
“Il-Gvern preżenti jibqa’ l-iktar wieħed kredibbli fis-settur tal-enerġija,” qal il-Ministeru. “Huwa wkoll dan il-Gvern li tassew iħares il-konsumatur. Fl-iktar mumenti diffiċli, dawk ta’ pandemija u ta’ gwerra li qed ikollha effetti mhux żgħar, il-Gvern ħadem biex jibqa’ jagħti l-orħos kontijiet possibbli lill-konsumaturi b’investiment ta’ mijiet ta’ miljuni ewro. Dan biex illum il-konsumaturi Maltin għandhom fost l-irħas kontijiet fl-Unjoni Ewropea, kuntrarju għal meta kien ikollhom żidiet ferm ogħla milli kien ikun hemm fil-pajjiżi Ewropej.”