Fil-Birgu se jibda jarma it-tieni Farmers’ Market f’pajjiżna wara dak ta’ Ta’ Qali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ tħabbar li dan il-kunċett se jiġi estiż mill-15 ta’ April.
Dan seta’ jsir wara ħidma interministerjali konġuta mal-Aġenżija Maltija għall-Ikel.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, Brian Vella, spjega kif saret ħidma mis-sezzjoni ta’ sorveljanza tal-Aġenzija sabiex, fost l-oħrajn, il-konsumaturi jkollhom rashom mistrieħa li l-prodott mibjugħ huwa wieħed ġenwin u Malti.
“Il-miżuri li ttieħdu huma li dan l-aħħar il-Malta Food Agency ħadet rwol li anki tamministra s-swieq tal-bdiewa u wkoll se naraw, aħna bħala regolatur, li nkunu nistgħu nassiguraw li l-prodotti f’dawn il-Farmers’ Markets – li għandna t-tieni wieħed issa ġewwa l-Birgu – ikunu skont ir-regoli wkoll u nserrħu, fl-aħħar mill-aħħar, ras il-konsumatur li dak li qed jinbiegħ ġo fihom huwa verament Malti.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, innutat li din l-inizjattiva hija eżempju ħaj ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jaħdmu mal-Gvern Ċentrali sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadin.
“Dawn l-inizjattivi joħolqu opportunitajiet għall-Kunsilli Lokali biex, id f’id mal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, iwieġbu għat-talbiet tar-residenti tagħhom u, iva, minn dan is-suq, li se jkun qiegħed jopera mill-qalba tal-komunitajiet tagħna – mill-Birgu din id-darba – se jkunu qegħdin igawdu mhux biss ir-residenti tal-Birgu imma tal-Kottonera u tal-madwar.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega kif il-kunċett ta’ Farmers’ Market huwa wieħed sostenibbli.
Dan għax ilaqqa’ lill-produttur direttament mal-konsumatur, b’differenza għall-metodi oħra li jeżistu ta’ bejgħ ta’ frott u ħaxix.
“Dan huwa pjan sostenibbli, pjan illi jlaqqa’ flimkien minn naħa waħda lill-konsumatur, li jieħu prezz ġust ta’ prodott bnin u frisk li huwa l-prodott Malti u Għawdxi, u min-naħa l-oħra wkoll għandek il-bidwi u r-raħħal u l-produttur illi jbigħ il-prodotti bi prezz ġust. Allura, għandek dik l-interazzjoni b’dawn it-tnejn li flimkien jiftiehmu fuq prodott li huwa ġenwin.”
Ritratt ewlieni: olivesunshine.com