Is-sejħa għall-offerti biex jingħata bidu għall-ewwel fażi tal-proġett tal-pixxina f ’Għawdex ingħalqet matul din il-ġimgħa. Ikkuntattjat mill-gazzetta KullĦadd kelliem għall-Ministeru għal Għawdex laqa’ b’sodisfazzjon l-interess li ntwera f ’dan il-proġett hekk mixtieq minn dawk kollha li jipprattikaw xi sport akwatiku jew jirrikorru għal xi tip ta’ terapija.
B’kollox kien hemm erba’ kumpaniji li ssottomettew l-offerta tagħhom biex jiġi skavat is-sit fejn se jinbena iċ-Ċentru Akwatiku ta’ Għawdex li hu l-istess sit li oriġinarjament ġie propost u li jinsab biswit il-Kumpless Sportiv fir-Rabat, Għawdex. Ix-xogħol ta’ skavar hu maħsub li jintemm lejn nofs is-sena 2019. Waqt li tkun għaddejja din il-ħidma, il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jipprepara għall-ħruġ tat-tender biex tinbena l-pixxina.
Fl-aħħar snin kien sar sforz bil-għan li l-pixxina tinbena bi sħubija mal-privat iżda l-ftehim fil-prinċipju bejn il-Gvern u l-privat, li ġie ffirmat lejn l-aħħar tal-2016 ma’ kumpanija privata biex tmexxi l-proġett tal-pixxina f ’Għawdex, ma wassalx għall-ftehim finali. Dan wassal biex ġie ppubblikat l-ewwel tender għal dan il-proġett min-naħa tal-Gvern. Għax il-Gvern hu impenjat li jwassal dan il-proġett. Il-fondi għall-ewwel fażi tal-proġett huma disponibbli mill-baġit għal din is-sena.
Filwaqt li l-proġett se jsir mill-Gvern, bil-ħsieb li l-immaniġġjar u t-tmexxija tal-pixxina tgħaddi f ’idejn il-privat. Ix-xogħol fuq il-pixxina mistenni jkun lest sal-aħħar tal-2020.