Id-dħul tal-kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament, u l-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, suppost li jġibu fi tmiemu episodju ġdid fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista, u anke fl-istorja ta’ pajjiżna. Suppost għandu jibda episodju ġid ladarba issa Adrian Delia m’għandu xejn xi jfixxklu milli jagħti l-kontribut tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Imma għad baqa’ mistoqsija kbira dwar kemm verament igawdi appoġġ Adrian Delia fil-partit tiegħu. Żewġ avvenimenti li graw f’dawn l-aħħar jiem, jixħtu dubju serju dan.
Wieħed minn dawn l-avvenimenti kienet l-okkażjoni tal-għoti tal-ġurament lil Adrian Delia bħala Membru Parlamentari. Suppost li kellha tkun okkażjoni pubblika fejn id-deputati kollha Nazzjonalisti misshom taw prova li verament se jaħdmu għall-għaqda fil-partit. Imma bl-assenza tagħhom, nofs id-deputati urew mod ieħor, għax, bir-raġun, l-assenza tagħhom, kienet interpretata bħala nuqqas ta’ fiduċja fil-kap il-ġdid.
Imma forsi l-aktar avveniment importanti kien il-vot li ttieħed fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ssejjaħ proprju biex Adrian Delia jkun co-opted għall-Parlament. Il-voti fil-Kumitat Eżekuttiv normalment jittieħdu b’mod sigriet, imma f’dan il-każ kien hemm biss vot bit-turija tal-idejn.
Ir-raġuni hija waħda ċara. Adrian Delia u ta’ madwaru ma ridux li jkun hemm numru ta’ voti kontrih. Jekk mhux ukoll beżgħu li l-co-option tiegħu fil-Parlament ma tkunx approvata mill-istess Kumitat Eżekuttiv, bil-problemi kollha li sitwazzjoni bħal din kienet iġġib magħha.
Ovvjament, iż-żewġ avvenimenti jqajjmu għadd ta’ mistoqsijiet, fosthom: Adrian Delia se jirnexxielu jgħaqqad lill-partit? Se jirnexxielu jkollu appoġġ qawwi biżżejjed fl-organi tal-partit, fosthom il-grupp parlamentari? Fi ftit kliem: Adrian Delia se jitħalla jmexxi lill-Partit Nazzjonalista?
It-tweġiba għal din il-mistoqsija ma tistax tingħata kif ġieb u laħaq. Ma tistax tingħata llum. Kollox jiddependi minn Adrian Delia nnifsu. Jiddependi minn kemm se jdum biex jirrealizza x’inhuma r-responsabbiltajiet li ddeċieda li jidħol għalihom.