Mara li twieldet riżultat ta’ stupru se tattendi mixja fid-dawl tax-xemgħa fil-Belt Valletta.
Rebecca Kiessling se tieħu sehem fil-Malta Stand Up for Life candlelight march, mixja fid-dawl tax-xemgħa nhar is-Sibt, 3 ta’ Diċembru. Kiessling ġiet adottata ftit wara t-twelid f’Michigan, fl-Istati Uniti, saret taf meta kellha 18-il sena li l-konċepiment tagħha sar wara stupru brutali minn persuna li kellu sikkina bil-ponta li kellu l-vizzju tal-istupru. “Bħall-maġġoranza tan-nies, qatt ma qist li l-abort japplika għall-ħajja tiegħi iżda, malli rċevejt din l-informazzjoni, f’daqqa rrealizzajt li mhux biss tapplika għall-ħajja tiegħi, iżda għandu x’jaqsam mal-eżistenza tiegħi stess,” hija irrapportata tgħid mill-Life Network Foundation Malta, magħrufin għat-twemmin tagħhom kontra l-abort.
“Kien qiesu stajt nisma’ l-eku ta’ dawk in-nies kollha li, b’toni l-iktar simpatetiċi, kienu jgħidu, ‘Hekk, ħlief f’każijiet ta’ stupru…’ jew li kienu jgħidu b’ċertu herra u stmerrija: ‘Speċjalment f’każijiet ta’ stupru!’ Dawn in-nies kollha li huma hemm barra lanqas biss jafuni, iżda qegħdin jgħaddu ġudizzju fuq il-ħajja tiegħi u malajr jiċħduha minħabba l-mod li ġejt konċepita.
“Ħassejtni qisni issa kien ser ikolli niġġustifika l-eżistenza tiegħi, li kien ser ikolli nagħti prova tiegħi nnifsi lid-dinja talli ma kontx abortita. Niftakar li kont inħossni bla valur, bħal żibel minħabba li kont nisma n-nies jgħidu li jiena missni kont mormija.”
Miriam Sciberras, Ċermen tal-Fondazzjoni Life Network Malta, qalet li t-tieni edizzjoni tal-Malta Stand Up for Life march tkompli l-kampanja minn gruppi lokali favur il-ħajja biex jiddefendu l-ħajja sa mill-mument tal-konċepiment. “Il-pożizzjoni ta’ Malta favur il-ħajja qatt ma kienet daqshekk urġenti u rilevanti hekk kif attakki kontinwi joħorġu fuq dawn il-vulnerabbli,” hija tenniet.