Veduta mill-isbaħ tal-fliegu bejn Malta u Għawdex se tkun tista’ titgawda minn Belvedere mill-isbaħ fil-Qala li ġie pjannat b’disinn kontemporanju u ġie jiswa b’kollox madwar €75,000, li €40,000 minnhom ġejjin minn Fondi Ewropej.
Il-Kunsill Lokali tal-Qala sejjaħ dan il-lok, Belvedere Anton Camilleri; ex-Kunsillier tal-Qala li ħadem ħafna għal dan il-lokal u li tilef ħajtu waqt li kien għadu iservi f’dan il-Kunsill. Tant li ma naqsitx referenza għal ħidma tiegħu waqt l-inawgurazzjoni tal-Ġimgħa filgħaxija mis-Segretarju Parlamentari, Ian Borg, u s-Sindku tal-Qala, Clint Camilleri.
Inbniet ġiebja taħt l-art għall-ħażna tal-ilma, l-art u l-iskema tal-landscaping saru mill-ġdid kif ukoll ġiet installata sistema ġdida ta’ irrigazzjoni għall-pjanti u s-siġar li ġew imħawla. Permezz ta’ dawn il-fondi ġew impoġġija numru ta’ bankijiet ġodda, tagħmir ta’ logħob għat-tfal u tal-eżerċizzju kif ukoll funtana bl-ilma tajjeb għax-xorb.