Fl-għoxrin t’April mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem se jittella’ ‘Lejl Imkebbes’ – festival annwali, li permezz ta’ eluf ta’ xemgħat joħloq atmosfera maġika fiċ-Ċittadella.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena mistenni jkun hemm madwar 500 metru kwadru ta’ artifatti uniċi madwar din il-belt storika.
Dan l-avveniment tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Ġie spjegat kif waqt din l-attività se jkun hemm bosta attivitajiet għal kulħadd, b’re-enactments storiċi u tradizzjonali, dħul b’xejn fil-mużewijiet, ftuħ ta’ postijiet pubbliċi oħrajn ta’ interess u attivitajiet għat-tfal.
Il-Ministru Camilleri ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal dan il-lejl maġiku.
“Attività fejn ħa tara lil din il-belt storika fiċ-ċentru ta’ Għawdex mixgħula kollha xemgħat u fjakkoli. Attività li fil-passat attirat għexieren ta’ eluf ta’ turisti Maltin u Għawdxin hawnhekk.”
Id-dħul għal din l-attività huwa mingħajr ħlas, waqt li se jkun ipprovdut ukoll trasport b’xejn minn u lejn l-Imġarr, Għawdex.