Nhar il-Ħadd se jsir il-Festival taċ-Ċitru fi Pjazza Trasfigurazzjoni f’Ħal Lija wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
Il-Festival taċ-Ċitru se jkun miftuħ għall-pubbliku bejn id-9 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar. Fl-10.15 ta’ filgħodu se jsir it-tberik tal-annimali organizzat mill-Għaqda tal-Festi Esterni.
Il-qligħ li se jiġġenera l-kunsill lokali mill-bejgħ taċ-ċitru se jingħata kollu bħala donazzjoni għar-restawr tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija. Se jkun qed jitqassam ukoll frott ieħor bla ħlas lit-tfal li jżuru din l-attività.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li qalet li l-gvern huwa impenjat li jibqa’ jinvesti fi skemi għal attivitajiet soċjokulturali fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
“Il-Gvern Lokali kommess li jkompli jinvesti fi skemi biex nippromwovu l-kultura u l-attivitajiet soċjokulturali għaliex nemmnu li permezz ta’ dawn l-attivitajiet ir-residenti fil-lokalitajiet tagħna ikollhom sens ta’ għaqda u komunità.”
Is-Sindku ta’ Ħal Lija, Anthony Dalli, qal li dan il-festival mhuwiex biss wirja taċ-ċitru imma huwa mezz ta’ edukazzjoni ta’ kif inħarsu l-pjanti u s-siġar li għandna fil-ġonna tagħna.
“Aħna bħala kunsill lokali nixtiequ nħeġġu lin-nies kollha, lil Malta u Għawdex kollha, biex nhar il-Ħadd f’din il-pjazza se nagħmlu din l-esebizzjoni li hija bidu ta’ attivita edukattiva u kulturali. ”