Fid-29 ta’ Ottubru li ġej, Malta se tospita l-Kampjonat Ewropew tat-Trott għal Sewwieqa Apprentisti fil-kumpless tal-Malta Equidrome fil-Marsa.
Flimkien mal-ġerrej Malti Jean Claude Pace, fil-kampjonat se jikkompetu tnax-il apprentist ieħor li se jiġu f’pajjiżna flimkien mad-delegazzjonijiet tagħhom.
Dan il-kampjonat ilu jsir mill-1986 u din hi t-tielet darba li se jsir f’Malta, wara nuqqas ta’ tmienja u għoxrin sena. Fil-fatt l-aħħar li sar f’pajjiżna kien fl-1995.
Iċ-Chairman tal-Malta Racing Club, Anthony Mifsud, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li, grazzi għar-relazzjoni pożittiva li llum teżisti bejn il-Malta Racing Club u l-European Trotting Union, mhux biss dan l-avveniment se jsir Malta, iżda pajjiżna se jerġa’ jikkwalifika għalih wara nuqqas ta’ tlieta u għoxrin sena meta Malta kienet rebħet il-kampjonat f’Moska, dakinhar permezz tal-ġerrej Tony Cauchi.
“Qed tippremja lill-ġerrejja żgħażagħ li jagħmlu ħafna sagrifiċċji li jkunu hawn minn filgħodu biex jittrenjaw iż-żwiemel u anke qed tippremja l-investiment, għax dawn il-ġerrejja żgħażagħ isiru ġerrejja minħabba l-investiment li jagħmlu l-ġenituri tagħhom.”
Għal dan l-avveniment mistennija tiġi f’Malta, għall-ewwel darba, il-President tal-European Trotting Union, Marjaana Alaviuhkola, flimkien ma’ membri oħrajn tal-eżekuttiv u rappreżentanti varji minn tnax-il assoċjazzjoni oħra Ewropea.
Dawn is-sewwieqa żgħażagħ, li kollha jaqgħu taħt il-kategorija ta’ taħt il-ħamsa u għoxrin sena, qed jimmiraw li jsiru sewwieqa professjonisti fil-futur qrib.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, faħħar l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment wara nuqqas ta’ għexieren ta’ snin u tenna li l-Gvern se jkompli jgħin biex avvenimenti internazzjonali ta’ din il-portata jkomplu jsiru, filwaqt li jkompli jissaħħaħ it-turiżmu sportiv.
“Dan ifisser li, fuq livell internazzjonali, pajjiżna f’dan l-isport għandu l-istabilità neċessarja biex jattira dawn it-tip ta’ kompetizzonijiet u dan jibni fuq numru ta’ kompetizzjonijiet li din is-sena stess organizzajna fuq livell internazzjonali f’pajjiżna. Dan ikompli jikkonferma kemm hu importanti li nibqgħu ninvestu fis-settur sportiv biex naraw kemm turiżmu sportiv, imma fuq kollox naraw il-kwalità tal-isport f’pajjiżna jkompli dejjem jikber fil-professjoni tiegħu.”
Fil-kampjonat se jikkompetu żwiemel ta’ sidien lokali u r-reġistrazzjoni fetħet it-Tlieta.