Il-Gvern daħal fi ftehim li, permezz tiegħu, se jerġa’ jinfetaħ l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali u, fl-istess waqt, mis-sena skolastika li jmiss se jibda jiġi offrut il-kors tal-veterinarji minn din l-istess binja. Il-kors se jkun qed jingħata mill-Kulleġġ MCAST.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo.
Waqt l-istess konferenza ġie spjegat li, f’Awwissu tal-2023, l-APH Veterinary Hospital, li hu l-unika wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, kien waqqaf is-servizzi tiegħu wara li ġarrab ħsarat estensivi minħabba dik magħrufa bħala power surge.
Il-Ministru Refalo tenna li ġiet irrimedjata s-sitwazzjoni tal-Isptar tal-Annimali u issa pajjiżna se jerġa’ jkollu sptar tal-annimali li minnu se jiġu offruti servizzi veterinarji, fosthom għall-kura fit-tul tal-annimali.
“Din hi ġurnata importanti, anzi nażżarda ngħid storika, rigward il-benessere tal-annimali tagħna. Dan hu Gvern li joffri soluzzjonijiet u għaldaqstant l-isptar tal-annimali se jerġa’ jibda jopera fil-gżejjer Maltin. Minbarra hekk ukoll dan hu Gvern li jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet u għaldaqstant, għall-ewwel darba, ħolma se ssir realtà fis-sens li se noffru l-kors tal-vets għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin.”
Sadanittant, il-Ministru Clifton Grima fakkar li, fis-snin riċenti, il-Gvern kien ta widen għat-talbiet ta’ studenti li kellhom l-aspirazzjoni ta’ karriera bħala veterinarji u kien nieda borża ta’ studju biex tkun ta’ sostenn finanzjarju għal dawn l-istudenti li kellhom bilfors jagħmlu dan l-istudju barra minn Malta.
“Permezz tal-ħidma bejn iż-żewġ ministeri u, bl-involviment tal-MCAST, wasalna fi ftehim ma’ università barranija li se tassigura li dan il-kors ikun jista’ jsir f’pajjiżna fejn b’kollaborazzjoni bejn il-ministeri rajna li l-MCAST ikollu l-isptar f’idejh f’Ta’ Qali, liema sptar se jaqdi żewġ funzjonijiet: l-aspett ta’ servizz li jingħata lill-annimali u allura l-aspett verinarju, imma anke l-aspett edukattiv, fejn hemmhekk ikollok l-istudenti jieħdu t-taħriġ tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, sostniet kif l-użu mill-ġdid tal-isptar għall-annimali se jwassal biex il-Gvern ikompli jkabbar is-servizzi offruti għall-ħarsien tal-annimali.