Studenti tal-Ħames sena fl-iskejjel tas-Sekondarja madwar Malta u Għawdex se jsirulhom testijiet tal-qalb, bil-għan li tinqabad kmieni xi tip ta’ kundizzjoni li dawn jaf ikollhom.
Il-kardjologu Mark Abela tkellem magħna dwar l-importanza ta’ din l-inizjattiva, li hu mifhum li hi l-ewwel waħda ta’ dan it-tip fid-Dinja.
Dan il-proġett, li ingħata l-isem ta’ ‘Beat It’ qed isir bil-għan li ma jseħħux iktar traġedji, fejn tfal imutu għal għarrieda fl-iskejjel.
‘Beat It’ hu mportanti wkoll minħabba li tmenin fil-mijja tal-imwiet ikkawżati minn problemi tal-qalb, ma jkunu wrew ebda sintomi qabel.
It-tnedija tal-proġett saret fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Tereża fl-Imrieħel, fejn l-istudenti għamlu preżentazzjoni qasira lil dawk preżenti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol, Evarist Bartolo qal li erba’ mwiet fl-aħħar għaxar snin huma ħafna, u li se jkun qed jassisti f’dan il-proġett, biex in-numru jitnaqqas kemm jista’ jkun.
Dan waqt li se jkun qed jiżdied l-ammont ta’ eżerċizzju fiżiku li t-tfal jagħmlu fl-iskejjel, flimkien ma’ iktar kampanji dwar x’tip ta’ ikel wieħed għandu jiekol.
Il-Ministru Bartolo temm jgħid li waqt li hu tajjeb li skejjel ikollhom sistemi reattivi bħal defribillators, issa hemm bżonn li niffukaw iktar fuq sistemi preventivi.