Studju li sar fost studenti tal-ħames sena tal-iskola sekondarja madwar il-pajjiż sab li disa’ studenti minn elfejn u seba’ mija kellhom kundizzjoni li tpoġġihom f’riskju, filwaqt li fost studenti oħrajn anke nstab li kellhom kundizzjoni li tirrikjedi aktar testijiet fit-tul.
L-istudju, li sar mid-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Isport, u l-Università ta’ Malta kien ibbażat fuq studenti ta’ bejn il-ħmistax u s-sittax-il sena u sar bejn is-sena elfejn u sbatax u s-sena elfejn u tmintax.
Il-kardjologu Mark Abela, il-moħħ wara dan il-proġett bl-isem ta’ BEAT IT, spjega ma’ ONE News kif huma bosta li jassoċjaw il-mard tal-qalb ma’ persuni kbar fl-età iżda wieħed jinsa li hemm persuni żgħar fl-età li ġieli kellhom problemi f’qalbhom, bil-maġġoranza tal-każijiet ikunu ereditarji. F’diversi każi, lanqas ikunu jafu.
Qal, “Il-maġġoranza tan-nies li jkollhom dawn il-problemi qatt ma jkunu jħossu sintomi. Jiġifieri, l-ewwel preżentazzjoni sfortunatament tkun, jekk allaħaresqatt il-qalb tieqaf jew jekk il-qalb tkun qed tiġri u jkollna nagħtuha xokk urġenti, u dan il-proġett wera li dak li konna nafu minn riċerka ta’ barra minn malta huwa realtà anke f’pajjiżna.”
Dr Abela spjega li wara li din ir-riċerka wriet li kien hemm dawn l-istudenti b’kundizzjoni li tpoġġihom f’riskju, ngħata bidu għal proċess ieħor fejn ġew skrinjati wkoll il-qraba tagħhom.
Minn hemm ħareġ li 10 fil-mija tal-qraba ta’ dawk li nstab li kellhom kundizzjoni li tpoġġihom f’riskju, fost l-oħrajn kellhom kundizzjoni huma wkoll.
Dr Abela għamel enfasi kbira fuq kemm il-prevenzjoni hi l-aktar ħaġa importanti meta tiġi għas-saħħa.
Qal, “Sintendi, bħalma aħna mmorru għand it-tabib niċċekkjaw il-pressjoni, il-kolesterol, iz-zokkor, tajjeb li nibdew indaħħlu kultura fejn anke l-ecg għandu jkun parti minn din ir-rutina ta’ investigazzjoni. Mhux qed ngħid li tagħmel ecg kull sitt xhur jew sena iżda tajjeb li wieħed jagħmlu mill-inqas darba f’ħajtu għax xi kultant naqbdu problemi li jafu jidentifikaw min ikun qiegħed f’riskju.”
Dr Abela spjega li l-għarfien dwar l-importanza li jsir ECG, mhux biss fost l-adulti imma anke l-adoloxxenti, huwa kruċjali. Qal li bħala pajjiż għandna ndaħħlu l-kultura li wieħed ikollu l-ħiliet bażiċi biex isalva ħajja, mhux biss fost l-adulti mma anke fost it-tfal.
Qal, “U anke affarijiet bħal, eżempju, basic life support u persuni mħarrġa, kif ukoll defibrillators li jkunu lesti għall-użu f’postijiet pubbliċi, partikolarment f’postijiet li jkun hemm ħafna nies li jagħmlu l-eżerċizzju, jiġifieri gyms, pitches li jinkrew filgħaxija, skejjel – importanti.”
Dr Abela qal ukoll li, mir-riċerka li għamel flimkien mat-tim tiegħu, sabu li l-maġġoranza tal-iskejjel fil-pajjiż għad iridu jistallaw defibrillaturi lesti għall-użu ħdejn il-gyms jew il-grawnds. Saħaq li hemm bżonn aktar ta’ għarfien f’dan ir-rigward.