Madwar 60% tal-persuni li jiżviluppaw il-kanċer tal-musrana l-kbira jmutu f’każ li l-kanċer ma jinqabadx fi stadju bikri.
F’Malta, kull sena jinstabu fuq medja ta’ 270 każ ta’ kanċer fil-musrana. Kanċer li hu t-tieni l-aktar komuni fil-Gżejjer Maltin.
Permezz ta’ test sempliċi li jista’ jsir id-dar, persuni ta’ bejn il-55 u d-69 sena jistgħu japplikaw għal screening b’xejn li jaf isalvalhom ħajjithom minn dan il-kanċer li huwa qattiel jekk ma jkunx ittrattat fil-ħin.
Fix-xahar iddedikat għall-kura u l-prevenzjoni tal-kanċer tal-musrana, tnediet kampanja għall-iscreening tal-musrana l-kbira biex aktar persuni jagħmlu dan it-test li jsri fil-privatezza tad-dar u wara jintbagħat għal analizi fil-laboratorju. F’każ li jinstabu xi traċċi ta’ demm, il-persuna tintalab tagħmel aktar terstijiet.
Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ħabbar li matul il-kampanja se jintbagħatu stediniet biex jagħmlu screening tal-musrana b’xejn.
Qal li fil-kampanja li tnediet fl-aħħar snin, 31 elf ruħ irċevew l-istedina u kienu 55 fil-mija li laqgħuha. Qal li madwar 700 persuna ssejħu għal aktar stħarriġ fejn fosthom instab li kien hemm 33 każ ġdid ta’ kanċer fil-musrana.
“Il-prevenzjoni hi l-aktar importanti, jiġifieri aħna qed nagħmlu programmi mas-sindki u mal-kunsilli sabiex wieħed jagħmel l-għażliet tajbin f’ħajtu. Pero sfortunatament xorta jkollna każijiet, ikollna madwar 270 każ kull sena ġdid fis-sena u allura huwa importanti li naqbduhom kmieni. Din is-sena wessajna l-iscreening tal-kanċer tal-musrana minn persuni ta’ 55 sena għal persuni ta’ 69 sena,” qal Mister Fearne.
Tħabbar ukoll li matul ix-xahar, il-membri taċ-ċentru nazzjonali tal-Iscreening se jżuru bosta Ċentri tas-Saħħa biex iqassmu fuljett ta’ informazzjoni dwar l-importanza tat-test li saħansitra jkun hemm min jarmih waqt li oħrajn jibżgħu jagħmluh għax forsi jinstab il-kanċer.
Appella biex aktar persuni jħarsu saħħithom permezz ta’ ezerċizzju regolari u għażla ta’ ikel aħjar għal saħħithom.