Il-Banda tal-iScouts tal-Ħamrun ħadet sehem b’suċċess f’festival internazzjonali tal-folklor f’Carpineto Romano, raħal ftit ‘il bogħod minn Ruma li għandu ftehim ta’ ġemellaġġ mal-Ħamrun li ġie ffirmat disa’ snin ilu. Gruppi minn Carpineto Romani ġieli taw wirjiet fil-Ħamrun, imma din kienet l-ewwel darba li grupp mill-Ħamrun mar f’Carpineto Romano biex jagħti wirjiet hemmhekk.
Il-parteċipazzjoni tal-Banda ta’ l-Iscouts tal-Ħamrun kienet possibli permezz tal-kuntatti li għandu s-Sur Omar Bugeja, ex-Kunsillier tal-Kunsill lokali tal-Ħamrun ma’ Carpineto Romano, u permezz tal-appoġġ sħiħ mis-Sindku preżenti Christian Sammut. It-tnejn kienu parti mid-delegazzjoni flimkien mas-Sur Jurgen Grixti Kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun u s-Sur Joe C. Cordina li akkumpanjat lill-Iscouts.
Il-Banda daqqet f’diversi postijiet fosthom fi pjazza quddiem Dar tal-Anzjani fejn ħadu sehem ma’ grupp taż-żfin mis-Serbja u ieħor mill-Assożjazzjoni lokali tal-Isbandieratori li jispecjalizzaw fil-logħob bil-bnadar.
Fil-finali tal-Festival il-gruppi kollha taw wirjiet fil-pjazza prinċipali, Piazza Regina Margherita, li kienet mimlija nies. Il-wirja tal-Ħamruniżi niżlet tajjeb sew mal-udjenza u ntlaqet minn ċapċip kbir. Fl-aħħar tas-Serata, il-Banda tal-Iscouts immarċjat lura lejn il-kwartieri tagħha akkumpanjata minn diversi membri tal-pubbliku.