Scott Muscat huwa ċ-champion tad-dinja tal-Pool tal-kategorija ta’ taħt il-ħamsa u għoxrin sena. Fil-kampjonati mondjali tal-Pool li saru ġewwa Killarney, l-Irlanda, il-player malti għeleb l-isfida tal-player Ingliż Luke Gilbert bl-iskor ta’ 8-7. Iż-żewġ players kellhom prestazzjoni mill-aqwa u kien biss l-aħħar frame li ta’ r-rebħa lil Muscat. Dan kien it-tieni suċċess internazzjonali għal Muscat wara li fis-sena 2018 rebaħ il-kampjonati Ewropej tal-kategorija Under 23’s.
Il-Malta Pool Association kienet rappreżentata bi tliet timijiet f’ dawn il-kampjonati fejn it-tim tal-Under 25’s wasal sal-finali tal-kategorija fejn tilef kontra l-Irlanda bl-iskor ta’ 5-2. It-tim Malti tal-Over 50’s ukoll kellu prestazzjoni tajba meta irnexxilu jasal sas-semi finali fejn ġie eliminat mit-tim nazzjonali tal-Indja filwaqt li t-tim tal-Irħiel tilef fil-kwarti tal-finali kontra Franza.
Il-players Maltin Antione Aquilina u Ray Caruana waslu sal-finali tal-kompetizzjoni doubles tal-Over 50’s filwaqt li Dejan Grech rebaħ l-unur tal-Player of the Tournament tal-kategorija Under 25’s.
Gary Carr u Clayton Castaldi ġew magħżula fil-World Team 2022 li jkun kompost mill-aħjar 7 players matul il-kampjonati tat-timijiet.
Il-Malta Pool Association tirringrazzja lil-kontinġent malti kollu għar-riżultati pożittivi miksuba f’ dawn il-kampjonati.