L-aġenzija tal-klassifikazzjoni Ġermaniża, Scope Ratings, affermat mill-ġdid l-aħjar rating għall-ekonomija Maltija fil-grad ta’ A+ bi prospetti stabbli.
Klassifikazzjoni li sservi ta’ ċertifikat ta’ fiduċja ieħor b’saħħtu fl-ekonomija ta’ pajjiżna minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent li qed jiddominaw.
L-esperti ta’ Scope Ratings, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, ibbażaw din il-klassifikazzjoni fuq tliet fatturi prinċipali.
Dawn jinkludu l-potenzjal b’saħħtu għat-tkabbir ekonomiku, l-immaniġġjar tajjeb tal-politika fiskali u l-pożizzjoni esterna robusta li tgawdi l-ekonomija Maltija.
Dwar il-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu, l-esperti ta’ Scope bdew billi rrimarkaw il-prestazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna qabel il-pandemija. Hawn, ġie nnutat kif pajjiżna esperjenza tkabbir medju ta’ 7.2% bejn l-2015 u l-2019. Madankollu, filwaqt li ġew kwotati l-impatti tal-pandemija Covid-19 fuq l-ekonomija Maltija, Scope Ratings innutat l-irkupru b’saħħtu f’pajjiżna. Hawn, issemma t-tkabbir ekonomiku ta’ 10.3% fl-2021 flimkien ma’ titjib fil-konsum privat u n-negozju.
“Still, Malta has been recovering swiftly, with growth of 10.3% in 2021”
Fil-valutazzjoni tagħhom, Scope Ratings ipproġettaw ukoll li l-ekonomija Maltija tikber b’4.8% fl-2022. Dan filwaqt li tkabbir ta’ madwar 4%, mistenni jibqa’ jiġi sostnut sal-2027 biex b’hekk l-ekonomija Maltija tibqa’ fost l-aqwa u l-aktar b’saħħithom fl-Unjoni Ewropea.
“Scope projects the Maltese economy to grow by 4.8% in 2022 followed by a gradual convergence to its medium-run potential of 3.5%. Growth should average around 3.8% over 2022-27 with Malta ranking as one of the top performing EU economies.”
Dan grazzi wkoll għal investiment pubbliku taħt il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza flimkien ma’ domanda domestika b’saħħitha u l-irkupru ta’ setturi kruċjali għall-pajjiż, bħal dak tat-turiżmu.
Dwar il-fattur tal-immaniġġjar tajjeb tal-politika fiskali f’pajjiżna, l-esperti ta’ Scope Ratings innutaw kif il-politika għaqlija fiskali tal-Gvern qabel il-pandemija kienet kruċjali biex tilqa’ għad-daqqa tal-pandemija. Hawn fost oħrajn, tissemma’ l-għajnuna tant bżonnjuża tal-Covid Wage Supplement li permezz tagħha ġew salvati mitt elf impjieg.
Fuq is-suġġett tal-impjiegi, Scope Ratings tinnota wkoll l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna li f’Lulju ta’ din is-sena niżlet għal 2.9%.
“The unemployment rate reached 2.9% in July 2022, an all-time low, down from the August 2020 peak of 4.9%.”
Fl-istess waqt ġie nnutat ukoll li r-rata ta’ nies jaħdmu f’pajjiżna hija wkoll l-aqwa fl-istorja ta’ pajjiżna, hekk kif f’Marzu ta’ din is-sena kien jammonta għal aktar minn 76%.
“The employment rate has also reached historical high levels, standing at 76.1% in March 2022.”
Hawn Scope Ratings, tipproġetta wkoll li l-ħaddiema se jkomplu jiżdiedu f’pajjiżna’ bi 3.5% din is-sena u żieda ta’ 2.1% fl-2024.
Scope Ratings issemmi wkoll l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern quddiem l-inflazzjoni fil-qasam tal-enerġija. Dwar dan, l-esperti jgħidu kif il-Gvern qed jonfoq madwar 3% tal-Prodott Gross Domestiku.
“Scope estimates that Malta will spend around 2.5%-3.0% of GDP to contain the rise in living costs, cushioning the increase in energy prices.”
Fil-fatt, filwaqt li tirrikonoxxi l-inflazzjoni li qed tiddomina mhux biss f’pajjiżna, iżda madwar l-Ewropa kollha, Scope Ratings tgħid li l-inflazzjoni f’Malta hija waħda moderata grazzi għas-sussidji li qed jagħti l-Gvern fis-settur tal-enerġija.
“Inflation has increased substantially in recent months, following the Russian invasion of Ukraine but remains moderate compared to peers thanks to forceful government measures to contain rising energy prices.”
L-aġenzija Ġermaniża, filwaqt li tipproġetta wkoll li d-dejn nazzjonali mistenni jiżdied minħabba l-għajnuniet li qed joffri l-Gvern, dan mistenni wkoll jerġa’ jibda jonqos. L-istess jgħodd ukoll għad-deficit ta’ pajjiżna hekk kif din is-sena qed jipproġettaw li dan jinżel għal 5.9%.
Mil-lat ta’ Governanza, l-aġenzija Ġermaniża tinnota wkoll l-impenn kbir tal-Gvern fl-aħħar snin biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-effettività tal-ġudikatura filwaqt li jiġu miġġielda reati bħall-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.