L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Scope Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ għall-ekonomija Maltija.
F’rapport tal-esperti Ġermaniżi, id-deċiżjoni tal-FATF fuq Malta għandha effett limitat fuq l-ekonomija Maltija.
Scope Ratings qalet li r-rating A+ b’andament stabbli wasal minħabba l-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku robust.
L-esperti ta’ Scope Ratings, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, innutaw ukoll li qabel il-Covid-19, id-dejn ta’ pajjiżna imqabbel mal-prodott domestiku gross kien nieżel u pajjiżna kellu surplus, wieħed wara l-ieħor.
Dawn il-fatturi għenu biex pajjiżna affaċċja pandemija u jibda jesperjenza tkabbir fl-ekonomija sa minn din is-sena stess.
Ir-rapport jgħid ukoll li Malta għandha tesperjenza rkupru ekonomiku b’mod immedjat u d-dejn mistenni jibda nieżel mill-2023.
Scope Ratings qalet ukoll li Malta għamlet progress biex issaħħaħ il-qafas regolatorju tagħha kontra l-ħasil ta’ flus u reati ta’ kriminalità finanzjarja.
Innutat li Malta żiedet il-fondi għall-ħaddiema ta’ istituzzjonijiet li jiġġieldu l-kriminalità finanzjarja.