L-aġenzija tal-klassifikazzjoni Ġermaniża, Scope Ratings, affermat mill-ġdid l-aħjar rating għall-ekonomija Maltija fil-grad ta’ A+.
L-esperti ta’ Scope Ratings, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd ibbażaw dan ir-rating eċċellenti fuq tliet fatturi, fosthom il-potenzjal qawwi ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Imbagħad issemma r-rekord tal-Gvern ta’ għaqal fil-qagħda fiskali tiegħu u l-pożizzjoni esterna b’saħħitha ta’ pajiżna.
L-esperti Ġermaniżi innutaw li s-sena l-oħra, it-tkabbir tal-ġid nazzjonali laħaq id-9.4%, prestazzjoni ferm aktar b’saħħitha milli kien antiċipat.
Dan il-fatt dwar it-tkabbir fil-ġid nazzjonali jpoġġi lil Malta fost l-aktar ekonomiji tal-Unjoni Ewropea li qed jirkupraw malajr.
Fil-valutazzjoni tagħhom, Scope Ratings argumentaw li Malta rnexxielha tillimita l-impatt strutturali tal-pandemija u li s’issa il-pajjiż kien milqut b’mod limitat ferm mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan l-aktar minħabba li bis-saħħa ta’ intervent qawwi tal-Gvern, l-impatt taż-żieda fl-inflazzjoni kien limitat.
L-esperti tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu nnutaw ukoll li meta mqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħra, Malta kienet kapaċi trażżan ir-rata tal-qgħad matul il-pandemija, fil-fatt matul pandemija Malta rreġistrat l-inqas livell ta’ qgħad fl-istorja.
Issemmew ukoll bosta miżuri effettivi li ta l-Gvern biex kien ta’ spalla għan-negozji u l-ħaddiema, bħall-Covid Wage Supplement.
Huwa propju riżultat ta’ din l-għajnuna li Malta hi meqjusa li għandha prospetti ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu.
Quddiem argumenti tal-Oppożizzjoni li l-Gvern tilef il-kontroll tal-finanzi pubbliċi, m’hemm l-ebda ħjiel ta’ kritika min-naħa ta’ Scope Ratings fir-rapport tagħha.
Minflok, l-esperti ta’ Scope Ratings qed jistennew li l-piż tad-dejn nazzjonali sejjer jistabbilizza u jibqa’ sostenibbli.
L-aġenzija Ġermaniża nnutat ukoll li l-ekonomija Maltija hija fost l-inqas fl-Ewropa fejn tidħol l-intensività tal-użu tal-karbonju ras għal ras u kisbet wieħed mill-akbar tnaqqis fl-intensità tal-karbonju fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar snin.
Barra minn hekk Scope Ratings irrimarkaw ukoll li frott il-politika soċjali b’saħħitha tal-Gvern, flimkien mal-impatt pożittiv ta’ tkabbir ekonomiku li laħaq lil ħafna, l-kundizzjonijiet soċjali tjiebu b’mod sostanzjali f’Malta.
L-esperti Ġermaniżi nnutaw ukoll li ħafna riformi għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-governanza ġew implimentati minn Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela u mistennija riformi addizzjonali taħt il-Gvern rikonfermat ta’ Dr Abela.
Ir-rapport semma wkoll il-progress tajjeb li sar fir-riformi maqbula mal-FATF.