Persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u għandhom problema ta’ mobilità se jkunu jistgħu jibdew jagħmlu użu b’xejn minn żewġ scooters elettriċi fil-Belt Valletta.
Is-servizz ġdid li għandu l-għan li jsaħħaħ l-aċċessibilità tnieda fil-Jum Internazzjonali għall-Anzjani, mis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis.
L-iscooters li nxtraw b’nefqa ta’ €6,000 se jkunu jistgħu jintużaw bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa għal mhux aktar minn tliet sigħat.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li dan il-proġett se jsir biex l-anzjani ma jispiċċawx jinqaflu ġo djarhom, iżda jagħmlu kuraġġ u permezz ta’ din il-faċilita’ ta’ scooter jduru mal-Belt u jkunu parti attiva fil-komunità ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis stqarr li “Malta hija l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li qed toffri trasport personalizzat b’xejn għall-anzjnai kollha u li jridu jżuru l-belt kapitali tagħha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo Degabriele spjega li dan is-servizz huwa parti minn pjan ħolistiku li jippromwovi l-anzjanità attiva.
Qal illi l-iscooter se jkun jista’ jinġabar minn Palazzo Ferreria, minn strada rjali fil-belt, jew mill-venda tal-karozzi tal-linja. Dan wara li jibbukjawh billi jċemplu fuq in-numru 21695544.
Is-Sur Degabriele sostna li “Hawnhekk ahna qegħdin nagħmlu l-ħolqa biex nagħtu l-mobilità lill-anzjani tagħna fejn aħna bdejn s-servizz tas-silver T fil-lokalitajiet għanda 10 lokalitajiet u bi ħsiebna nestenduhom fil-lokaltijiet kollha ta’ Malta s-sena dieħla u hawnhekk ukoll meta jaslu l-belt jkunu jistgħu jużaw l-iscooter għall-qadi li jkollhom bżonn.”
Is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit qal li dan is-servizz se jgħin bost anzjani Beltin li ma jistgħu jaċċesstaw il-belt u jgawdu l-belt tagħhom.