Din is-sena l-festival popolari tax-Xjenza fil-Belt, magħruf aħjar bħala ‘Science In the City’, ħa jkun qed jsir b’mod differenti mis-snin ta’ qabel minħabba l-imxija.
Din ħa tkun id-disa’ edizzjoni ta’ dan il-festival u ħa jkun qed jinvolvi lill-udjenzi u jqanqal il-ħsieb kritiku u kreattiv ta’ dawk li se jipparteċipaw.
Waqt konferenza virtwali, il-Professur tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta, Dr. Edward Duca, stqarr li minkejja li din is-sena l-festival ħa jsir online, it-tema tiegħu ħa tibqa’ l-istess bħal ma kienet fis-snin ta’ qabel.
Tema li xxettel iżjed interess, kemm fix-xjenza kif ukoll fil-kultura.
Mit-tnax sas-sitta u għoxrin ta’ Novembru se jkun hemm firxa ta’ avvenimenti interessanti ta’ qabel il-Festival li jitgawdew mill-familji kollha. Fost dawn l-avvenimenti nsibu l-ewwel online escape room li ħa tagħti l-opportunità lil parteċipanti kollha biex jgħinu lir-riċerkaturi jsolvu mistoqsijiet li jistgħu jsalvaw lid-dinja mill-effetti devastanti tal-bidla fil-klima.
Se jixxandru online wirjiet speċjali tat-teatru. Dawn l-wirjiet huma relatati ma’ kwistjonijiet li jiffaċċjaw in-nisa li jaħdmu fix-xjenza, kif ukoll ma’ kif it-teknoloġija tista’ ssegwi bidliet fil-bniedem li huma relatati ma’ kundizzjoni ta’ saħħa mentali.
F’din il-laqgħa virtwali s-Segretarju Parlamentarli, Clayton Bartolo, tenna kif il-gvern jappoġġja dan il-festival għaliex jemmen li l-investiment fix-xjenza jfisser ħolqien t’aktar ta’ impjiegi ta’ kwalità.