Tħabbru d-dettalji tal-għaxar edizzjoni tal-festival Science in the City, li se jittella’ fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru, fil- Forti Sant Iermu u Sala San Duminku.
Dan il-festival se jsir kemm b’mod virtwali fi studjo professjonali, kemm fuq ġewwa f’postijiet differenti mifruxa fil-qalba tal-Belt u kif ukoll fit-toroq fil-beraħ biex iwassal ir-riċerka liċ-ċittadini f’esperjenza impenjattiva u interattiva għal kulħadd.
Bit-tema Taking Root, il-festival se jiffoka fuq l-għanijiet ambjentali tal-European Green Deal, li huwa wkoll parti mil-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej, li ssir fl-istess lejl f’aktar minn tliet mitt belt madwar l-Ewropa.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella tkellem dwar l-importanza ta’ festivals bħal dawn li jkunu ta’ ispirazzjoni għall-istudenti.
Qal, “L-importanza li f’pajjiż bħal tagħna, fejn ħafna mid-drabi anke l-ekonomija tibbaża ħafna fuq ċertu servizzi, illi jkollna poplu ċittadini li huma infurmati bix-xjenza, jafu jużawa u jaħdmu fiha ukoll.”
Preżenti kien hemm il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, li semma l-importanza tal-investiment fir-riċerka, speċjalment fejn tidħol ix-xjenza.
Stqarr, “Għalhekk huwa importanti li nibqgħu nagħtu pjattaformi varji, illi permezz tagħhom ikunu kapaċi propju nassiguraw li l-importanza tax-xjenza fil-ħajja ta’ kuljum tingħata l-irwol li jistħoqqilha.”