Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li taħt Gvern Laburista, l-affarijiet inbidlu mil-lejl għan-nhar.
Meta għalaq id-dibattitu fil-parlament dwar il-voti tal-ministeru tiegħu, il-Ministru elenka kif, f’dawn l-aħħar snin, il-qaghda finanzjarja tal-Gvern inbidlet sew.
Huwa qal li d-dejn totali tal-Gvern tniżżel minn 67.5 fil-mija fl-2012 għal 63.8 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku fl-2015.
Id-defiċit tal-Gvern, bħala persentaġġ tal-GDP, minn 3.6 fil-mija fl-2012 niżel għal 1.4 fil-mija fl-2015.
Fil-qasam tax-xogħol, in-numru ta’ ħaddiema minn 153,000 fl-2012 kiber għal 177,751 sa April 2016.
Il-Ministru qal li l-Partit Nazzjonalista, skont id-dokument li ħareġ qabel il-baġit, ammetta li mill-2008 sal-2012, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdied kostantament sakemm laħaq id-99,000 persuna, u kien biss fl-2013 li dan in-numru ma żdiedx.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, ħareġ ir-riżultat ta’ stħarriġ ieħor li wera li għall-2014, dan in-numru naqas bi kważi 5,000 persuna. Għall-gvern, il-faqar mhux perċezzjoni.
Il-qagħad, minn 6,839 fl-2012 niżel għal 3,751 f’April ta’ din is-sena.
It-turiżmu, minn 1.4 miljun fl-2012 tela’ għal 1.8 miljun fl-2015.
Il-Ministru Scicluna qal li jekk l-aġenzija tal-kreditu ewlenin, matul din is-sena taw lill-pajjiżna l-aqwa ċertifikati li jistghu jagħtuna, dan żgur li mhux għax il-Gvern sab is-sodda mifruxa.
“Jekk f’Awwissu li għadda Fitch tawna ċertifikat pożittiv, f’Settembru Moody’s ikklassifikawna bħala stabbli u f’Ottubru li għadda Standard & Poors ukoll ħarsu lejna bħala pajjiż stabbli, dan żgur jikkonferma – għal kull min irid ikun onest miegħu innifsu – li konna s-sodda aħna frixniha u ħadd aktar.”
Huwa qal li jekk illum il-poplu Malti qed igawdi l-aqwa livell ta’ għixien li qatt kellna f’pajjiżna, dan żgur li ġara minħabba l-ħidma ma taqta’ xejn ta’ dan il-Gvern biex jizviluppa u jkabbar l-ekonomija, joħloq ix-xogħol, ikabbar il-ġid u jwasslu għand kulħadd.