Il-maltemp u l-beraq fuq id-Dar Ċentrali u t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ma ħdewx hekk kif kull ma jmur iżjed deputati qed idoqqu l-irtirata u jagħżlu li jabbandunaw il-ġifen.
Hermann Schiavone huwa wieħed minn tal-aħħar li ħabbar li mhux ser ikun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Barra l-Parlament staqsejna lil Schiavone x’wasslu biex jieħu din id-deċiżjoni daqsekk qrib tal-elezzjoni ġenerali.
Colin Deguara: “Semmejtli l-aħħar storja. Għidna wkoll li fl-2013 inti ma tħallejtx tikkontesta, allura issa għaliex m’intix ser tikkontesta?”
Herman Schiavone: “Għax għażilt jiena.”
Din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta bil-bosta mal-memorja friska tiegħu barra d-Dar Ċentrali ftit wara li ngħata l-aħbar li ma kienx ser jitħalla jikkontesta l-elezzjoni ġenerali minħabba allegazzjonijiet li kien hemm fuqu b’rabta ma ittra anonima.
Dakinhar huwa kien qal hekk.
Herman Schiavone: “Jiena kont fil-politika biex inservi u nservi lin-nies permezz tal-partit. Il-partit illum qalli li m’għandux bżonn is-servizz tiegħi.”“Kieku inti ma tweġġax? Mhux kulħadd tad-demm u l-laħam?”
ONE News kien irrapporta kif Hermann Schiavone intwera l-bieb ta’ barra mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li Bernard Grech qallu li hu kien ser ikun qed jikkontesta għal xejn għaliex Grech kellu ħsieb jikkontestalu fuq id-distrett tiegħu.
Mossa li ġiet wara d-dikjarazzjonijiet li Schiavone kien għamel barra l-Parlament ma’ ONE News fejn kien ammetta li l-fatt li riesqa elezzjoni jagħmilha diffiċli li l-partit ineħħi lil Bernard Grech issa wara s-surveys ħżiena li kellu.
B’referenza għal dan ir-rapport, Schiavone spiċċa jakkużana li gdibna dwaru iżda meta mitlub jgħidilna x’kien fih żbaljat huwa ma seta’ jislet xejn. Dan tant li spiċċa kkonferma l-istess rapport.
Herman Schiavone: “Inti qiegħed tigdeb dwari.”
Colin Deguara: “Għidli fuq xiex?”
Hermann Schiavone: “Taf taf..”
Colin Deguara: “Għidli fuq xiex?”
Hermann Schiavone: “Meta ġġib l-istejjer vera imbagħad inwieġbek”
Colin Deguara: “Għidli fuq xiex gdibt.”
Hermann Schiavone: “L-aħħar storja li ktibt inti. Taf fuq xiex.”