Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone ssospenda lilu nnifsu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Dan wara li l-ġimgħa li għadda Schiavone flimkien mad-deputat nazzjonalista Kristy Debono iltaqgħu ma’ Yorgen Fenech li fl-aħħar xhur l-Oppożizzjoni allegat li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.
Bid-deputat Jason Azzopardi qal li Kristy Debono u Hermann Schiavone qegħdin jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
F’ittra lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, Schiavone qal li minkejja li jħoss li m’għamel xejn ħażin, ħass li kellu jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari.
Huwa talab ukoll lill-Partit jaħtar bord biex jinvestiga l-aġir tiegħu.
Fi stqarrija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia aċċetta s-sospenzjoni ta’ Schiavone mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Madankollu Delia ma qalx jekk talabx għar-riżenja ta’ Kristy Debono. Hija qed tinsab taħt pressjoni kbira mill-fazzjoni tal-eks kap Simon Busuttil sabiex twarrab mill-kariga ta’ President tal-Kunsill Ġenerali għax skonthom il-pozizzjoni tagħha m’għadhiex tenibbli.
B’rezzjoni, il-Partit Laburista sejjaħ is-sospensjoni ta’ Schiavone bħala waħda taparsi biex tipprova tinħeba l-firda fil-Partit Nazzjonalista.
Qal li bi tmexxija ta’ Delia, il-Partit Nazzjonalista hu partit maqsum iktar minn qatt qabel. Partit li spiċċa jieħu azzjonijiet finta bil-għan li jipprova jaħbi l-inkwiet intern li mhu jieqaf xejn.
Il-Partit Labruista innota kif fuq naħa, għandek klikka tattakka dak kollu li ġej min-naħa tal-Kap tal-Partit u fuq in-naħa l-oħra għandek klikka li tivvinta l-iskużi u taġixxi b’mod ‘fake’ biex tipprova ssalva lill-Kap.
Il-Partit Laburista qal li għalhekk saret din is-sospensjoni taparsi minn wieħed minn tnejn min-nies li għamlu l-istess ħaġa flimkien u li fuq kollox kien ilu diversi jiem jiddefendiha u jattakka lil min ikkritikaha.
Qal li b’hekk hu ċar li l-ftehim hu li din is-sospensjoni tintuża biss għalissa biex id-deputati tal-Partit Nazzjonalista ma jibqgħux jitgħajru fil-miftuħ ġimgħat qabel appuntament elettorali, temm jgħid l-Partit Laburista.
http://www.one.com.mt/2019/04/10/sospensjoni-taparsi-biex-tipprova-tinheba-l-firda-fil-pn/