“Hermann Schiavone intwera l-bieb ta’ barra mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.”
Hekk qalulna nies midħla sew tal-istamperija hekk kif ħarġet l-aħbar li Hermann Schiavone mhux ser ikun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Persuna midħla sew tad-Dar Ċentrali qalilna kif Bernard Grech ma ħallielu l-ebda għażla lil Schiavone.
“Dan milli jidher Bernard għajjatlu għal laqgħa u hemm qallu li ser joħroġlu fuq id-distrett tiegħu. Distrett li s-soltu ntellgħu biss tnejn fuqu. Bażikament qallu li jekk ser joħroġ ser ikun qed jaħli ħinu.”
Raġel li jagħmel parti mit-tim ta’ Schiavone tkellem ma’ ONE News u qalilna kif fil-qofol ta’ din il-kruċjata kontra dan id-deputat hemm logħba tad-deputati tal-establishment Nazzjonalista.
“Dan lgħabuh hux. Spiċċa tkellem b’sinċerità dwar dak li kienu qed jaħmu kontra l-kap u bela’ kollox hu.”
Dan b’referenza għad-dikjarazzjonijiet li għamel Schiavone nnifsu fejn ma’ ONE News kien ammetta li l-fatt li riesqa elezzjoni jagħmilha diffiċli li l-partit ineħħi lil Bernard Grech issa wara s-surveys ħżiena li kellu.
Din id-dikjarazzjoni ġabet rabja kemm mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, iżda wkoll mill-establishment Nazzjonalista li ħass li Schiavone kixiflu l-karti dwar il-pjanijiet li għandu għal Bernard Grech.
Din mhux l-ewwel darba li lil Schiavone l-Partit Nazzjonalista urieh il-bieb ta’ barra hekk kif lura qabel l-elezzjoni tal-2013, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien waqqfu milli jikkandida ruħu wara allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu b’rabta ma’ ittra anonima.
Għalhekk Schiavone ser ikun ikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista għal darba waħda biss minkejja l-uġigħ li għaddih minnu l-istess Partit Nazzjonalista.