Id-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone għamilha ċara li meta Simon Busuttil jgħid li Egrant hi tal-Prim Ministru mhux jitkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar sigħat Simon Busuttil għamel dikjarazzjoni ċara li għadu u jibqa’ jemmen li Egrant hi tal-Prim Ministru. Dan minkejja l-konklużjonijiet ta’ inkjesta maġisterjali.
Din id-dikjarazzjoni wasslet biex il-Partit Laburista jitlob lil Adrian Delia jgħid jekk jaqbilx mal-eks Kap. Iżda, sadanittant tkellem wieħed mill-eqreb deputati ta’ Adrian Delia.
“Din id-dikjarazzjoni ta’ Simon hija x’jemmen hu personali kif għandu kull dritt. Bl-ebda mod ma’ hi pożizzjoni uffiċjali tal-Partit. Il-Kap tal-Partit kemm il-darba saħaq li għandu fiduċja sħiħa fil-maġistrat inkwerenti u il-partit jaċċetta l-konklużjonijiet tar-rapport Egrant,” qal Schiavone fuq facebook. Dan f’kitba li fetħet battibekk mal-Avukat Andrew Borg Cardona wieħed mill-iktar nies qrib Simon Busuttil u li lil Schiavone ma ppermettilux isejjaħlu ħabib.
Dwar l-istess dikjarazzjonijiet kienu mitluba jikkummentaw il-kandidat għall-Parlament Ewropew
Frank Psaila u Ivan Bartolo. Frank Psaila pprova jkun evażiv kemm jiflaħ anke jekk fis-sajf kien hu l-bniedem li ntuża biex Delia jwassal il-messaġġ tiegħu biex Busuttil ikun sospiż. Qal li ma ridx jikkummenta għax ma riedx min idaħħlu bejn Simon Busuttil u Adrian Delia għalkemm imbagħad kien hemm mumenti fejn kellu jgħid li l-PN dejjem qal li għandu fiduċja fil-Maġistrat. Ivan Bartolo kien iktar evażiv.