“Schembri waqqaf l-intervista ma’ Liam bħal ma waqqaf il-karozza li tajritu.”
Qal dan l-avukat tal-akkużat, Franco Debono hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ tal-attentat tal-qtil tal-Pulizija Simon Schembri.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet it-talba tal-avukat tal-akkużat fejn sejjaħ Schembri fuq il-pedana tax-xhieda fejn spjega kif se jkun qed jagħmillu mistoqsijiet dwar r-rikors li għamel il-Ġimgħa, liema rikors waqqaf lil Xarabank milli jippubblika l-intervista waqt il-programm.
L-avukat Franco Debono spjega kif hu qed jagħmel dan biex filwaqt li l-karattru tal-klijent tiegħu dġà ġie mpinġi bħala monstru, issa għandna ċans naraw il-karattru tal-Pulizija Simon Schembri fejn qal kif xhud fuq il-post dakinhar tal-inċident qal kif Schembri waqqaf il-karozza u baqa quddiema, bl-istess mod qed jagħmel lil Xarabank. L-avukat argumenta kif hu jrid lil Schembri jispjegalu kif ilu sitt xhur imur fuq programmi televiżivi, u jieħu sehem fi protesti nazzjonali “iżda x’qed jgħid? ‘Nista’ nitkellem, iżda il-mument li int tipprova titkellem se nagħlaqlek ħalqek!’ Dak hu Simon Schembri” qal l-avukat.
Spjega kif Schembri għall-ewwel aċċetta biex imur fuq Xarabank fejn kienu bdew il-preparazzjonijiet iżda dwar dan ma kien hemm xejn ħażin iżda kif sar jaf li Liam Debono kien se jiġi intervista, daħal fin-nofs u serva ta’ ostaklu.
L-avukat Debono staqsa “Allura din għalik ma taplikax? Allura meta aċċettajt li tiġi intervistat, dan ma kienx eżerċizzju ta’ pubbliċità u nuqqas ta’ etika?” Kien hawn li l-Qorti rrimarkarkat dwar kif l-akkużat għandu dritt li ma jitkellimx matul il-proċeduri kollha fejn il-Maġistrat Joe Mifsud staqsa “Jista’ jkollna sitwazzjoni fejn l-akkużat ma jitkellimx fil-Qorti, u wara jmur jagħti l-opinjoni tiegħu lill-midja?”
L-avukat tal-akkużat argumenta kif dan kollu jammonta għal preġudizzju pubbliku qabel il-każ jibda jgħaddi ġuri fejn qal “Għandek il-filmat tal-inċident jiġri fuq l-internet, dak mhux se jkun qed jaffettwa lill-ġurija?”
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex Schembri jerġa’ jitla’ jixhed wara li l-prosekuzzjoni u l-avukati ta’ Schembri m’oġġezzjonawx għat-talba. Il-każ se jkun qed ikompli jinstema’ għada fl-10:30 fejn se jkun qed jerġa’ jixhed il-Pulizija Simon Schembri.