Is-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u Deo Debattista qalu li ddikjaraw d-dħul kollu tagħhom fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom u li ħallsu t-taxxi kollha dovuti minnhom lill-istat.
Iż-żewġ segretarji parlamentari qalu dan fi stqarrija konġunta b’reazzjoni għal rimarki li saru mill-Partit Nazzjonalista dwar id-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom.
Fl-istqarrija żied jingħad li l-informazzjoni kollha ġiet ippubblikata fid-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom bħala membri parlamentari.
Min-naħa l-oħra żiedu jispjegaw li fid-dikjarazzjoni tagħhom ta’ Segretarji Parlamentari, tniżżel biss id-dħul tagħhom bħala segretarji parlamentari fejn xi wħud interpretaw dan bħala l-uniku dħul tagħhom.
Iż-żewġ segretarji parlamentari qalu li jagħrfu li dan seta’ wassal għal miżenterpretazzjoni u għalhekk ġiet sottomessa kjarifika mas-Segretarju Permanenti Ewlieni.