Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Justin Schembri ma ċaħadx li ġieli skarta mill-iskola biex jindirizza konferenza tal-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi minn ONE News il-Ġimgħa filgħodu, jekk ħax il-leave mix-xogħol biex jindirizza konferenza tal-aħbarjiet fid-Dar Ċentali, hu ma ċaħadx dak li għednilu u wieġeb hekk.
ĠURNALIST: “Onorevoli Schembri nimmaġina biex qiegħed hawn illum ħadt il-leave mix-xogħol li għandek l-iskola? Tassigurana li dejjem għamilt hekk?”
JUSTIN SCHEMBRI: “Jiena nistaqsik biex tisaqsi lis-superjuri tiegħi u jkunu jistgħu jagħtuk it-tweġiba.”
Tmin xhur ilu lill-istess Schembri konna staqsejnih l-istess ħaġa, jiġifieri jekk jiħux leave biex jitlaq mix-xogħol u jindirizza konferenzi tal-Partit Nazzjonalista. Dakinhar kien qalilna li qed jaqdi dmiru politikament.
ĠURNALIST: “Biex qiegħed għal din il-press conference illum inti
qiegħed on leave? Iva jew le?”
JUSTIN SCHEMBRI: “Jiena bħalissa qiegħed naqdi dmiri politikament.”
ĠURNALIST: “Mhux qiegħed on leave jiġifieri? Skomdu twieġeb?”
Schembri hu għalliem u, kif kien irrapporta dan l-istazzjon, ma kienx qed imur għax-xogħol, speċjalment meta kien jaħdem fid-Dipartiment tal-Eżamijiet.
Flimkien ma’ deputati oħrajn tal-Oppożizzjoni, Schembri attwalment qed jiġi investigati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Dan wara li lkoll ma rrapportawx għax-xogħol li għandhom mal-Gvern biex ikun jistgħu jagħmlu xogħol ieħor. Tali investigazzjoni nbdiet wara ilmenti li daħħal Neville Gafà.
F’Novembru li għadda l-gazzetti tal-Ħadd żvelaw kif għal 500 mitt darba, id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ma marx għax-xogħol. F’dawn l-okkażjonijiet, hu wkoll mar b’xogħol privat tiegħu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, mingħajr ma ħa l-leave mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, fejn jaħdem b’salarju ta’ €51,000.
Deputat ieħor, David Agius jaħdem il-Freeport bħala impjegat mal-Gvern u jirriżulta anke li dan għamel żmien twil ma jmurx għax-xogħol, imma mbagħad beda jmur b’mod ridott bl-iskuża li għandu x-xogħol Parlamentari bħala Deputat Speaker.
Toni Bezzina u David Agius kienu fost disa’ deputati Nazzjonalisti li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika preċedenti, George Hyzler, kien sab li ma kinux imorru għax-xogħol bl-iskuża tar-rwol Parlamentari tagħhom.